Id-Diskussjonijiet Dwar Il-Festi Ser Jitkomplew Matul Din Il-Ġimgħa
Issa li ninsabu ftit jiem ‘l bogħod mill-festa ta’ San Pawl, diversi qarrejja qalulna dwar kif fil-programm tal-festa li ġie ppublikat għal din il-festa hemm miktub li ħa tkun qed issir il-purċissjoni.
Dalgħodu, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda fi stqarrija lill-membri tagħha u lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-festi Maltin, qalu li l-ebda deċiżjoni għadha ma ttieħdet rigward il-Festi 2022, kuntrarju għal dak li deher fuq il-midja soċjali.
L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda kompliet tgħid li d-diskussjonijiet kemm mal-awtoritajiet ċivili kif ukoll ma’ dawk ekkleżjastiċi fuq l-organizzazzjoni tal-festi għal matul din is-sena ser jitkomplew matul din il-ġimgħa.
Huwa mifhum li din il-laqgħa mistennija ssir lejn l-aħħar tal-ġimgħa fejn eventwalment għandu jkun hemm deċiżjoni finali dwar kif se jkunu ċċelebrati l-festi.