Ikomplu L-Laqgħat Pubbliċi Bit-Tema: ‘L-Ewropa Li Nixtieq Għalija U Għall-Komunità Li Ngħix Fiha’
Fit-tieni diskussjoni miftuħa ffukata fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea li saret fis-sala tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, il-pubbliku li attenda kellu l-opportunità li jitkellem dwar kif jixtiequ jaraw l-Unjoni Ewropea fil-futur.
Din l-attività kienet waħda minn numru ta’ attivitajiet li saru b’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li qegħdin jiġu organizzati matul is-sena minn SEM u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa hija inizjattiva li qiegħda ssir fl-Ewropa kollha, biex kull min jixtieq jagħti l-opinjoni, l-ideat u s-suġġerimenti dwar kif jixtieq li tkun l-Ewropa fis-snin li ġejjin.
F’Malta u Għawdex qegħdin isiru attivitajiet biex nies ta’ kull età u li jirrappreżentaw setturi differenti, jiddiskutu temi varji dwar il-futur tal-Ewropa bħall-ambjent, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ekonomija, id-demokrazija, iż-żgħażagħ u oħrajn.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela qal li, permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet li l-aġenzija SEM qed torganizza, qed jirnexxielna niġbru numru ta’ opinjonijiet u suġġerimenti fuq oqsma differenti minn kull qasam tal-ħajja.
Il-Ministru rrefera għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li saret fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, bejn il-21 u t-22 ta’ Jannar 2022, fejn saħaq li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini hija tfakkira għall-politiċi, biex ma jifqux jisimgħu dak li għandhom xi jgħidu, u li għandu dejjem jinżamm djalogu miftuħ u kontinwu maċ-ċittadini.
Għal dan il-għan, dawn il-laqgħat qed iservu biex il-Maltin u l-Għawdxin jagħtu l-opinjoni u jaqsmu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom, biex finalment, permezz tal-aġenzija SEM, il-messaġġ jasal fl-Unjoni Ewropa, biex ilkoll kemm aħna ngħixu f’Ewropa li nixtiequ, u nkunu l-kontributuri tat-tfassil ta’ Unjoni Ewropea aħjar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta Mandy Falzon tkellmet kif l-aġenzija qed taħdem bis-sħiħ biex dawn l-attivitajiet jilħqu kemm jista’ jkun ċittadini f’lokalitajiet differenti. Is-suġġerimenti u l-opinjonijiet ta’ dawk li jieħdu sehem jinġabru f’rapport nazzjonali li jingħaqad ma’ dawk ta’ Ewropej oħra u jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ pjan ta’ prijortiajiet tal-UE għas-snin li ġejjin.
Ritratt: DOI