‘Il Bogħod Imma Konnessi
Persuni b’diżabilità minn tliet ċentri ta’ matul il-jum fi ħdan Aġenzija Sapport ingħaqdu f’inizjattiva konġunta permezz ta’ konnessjoni virtwali bl-użu ta’ tablets. It-tablets li ntużaw għal din l-inizjattiva ġew mislufa lil persuni b’diżabilità ftit xhur ilu, bħala parti minn ftehim bejn l-Aġenzija Residenza Malta u Aġenzija Sapport. Il-ftehim ikopri l-iffinanzjar ta’ 30 tablet u kuntratti tal-internet għall-użu ta’ persuni b’diżabilità.
Waqt l-attività tal-lum attendew il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, li pparteċipaw huma stess f’sessjonijiet prattiċi ta’ tisjir u ppjanar tal-ikel flimkien ma’ persuni b’diżabilità minn ċentri differenti. Dawn it-tablets servew ukoll għal tagħlim fuq l-użu tal-IT, sabiex dawn il-persuni jitgħallmu jkunu aktar indipendenti fejn tidħol it-teknoloġija.
Flimkien mal-ministru u s-segretarju parlamentari pparteċipaw żewġ persuni b’diżabilità miċ-ċentru ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, sitt persuni b’diżabilità miċ-ċentru ta’ Mtarfa Resource b’kollegament virtwali, u tliet persuni b’diżabilità miċ-ċentru ta’ Fleur-de-Lys ukoll b’kollegament virtwali, akkumpanjati minn support workers.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli stqarret kif fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa. Spjegat kif, “anke f’ċirkostanzi straordinarji bħal dawn tal-pandemija, rajna kif l-isfidi ndawruhom f’opportunitajiet u permezz ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ ministeri stajna noħorġu b’idea ta’ ġid għal min hu l-aktar vulnerabbli. Permezz tat-teknoloġija, irnexxielna nippermettu li dawn il-persuni b’diżabilità jkomplu jieħdu t-taħriġ li għandhom bżonn, anke minn ġewwa darhom stess.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li bis-saħħa tal-investiment ta’ Residenza Malta u dawn il-lagħqat virtwali, qegħdin jinbnew ħbiberiji ġodda bl-għan li wara l-pandemija dawn ikunu jistgħu jkompli jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ. “Dan huwa mod ċar ta’ kif qed ninvestu fil-komunità”, temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, is-Sinjura Ruth Rose Sciberras, irringrazzjat lill-Aġenzija Residenza Malta għall-kollaborazzjoni kontinwa u tal-kontribut lejn is-settur tas-servizzi għal persuni b’diżabilità.
Charles Mizzi, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Residenza Malta qal li, “Residenza Malta tamministra l-programm tal-gvern ta’ residenza b’investiment. Bħala parti mill-impenn tagħna ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, ngħaddu parti mid-dħul tal-programm lil kawżi ġusti. Nemmnu li l-appoġġ tagħna għal din l-inizjattiva se jgħin biex studenti jkunu jistgħu jaċċessaw l-interent u jużaw mezzi diġitali ta’ tagħrif u b’hekk nipprovdu aktar opportunitajiet ta’ tagħlim b’mod konvenjenti”.
Ritratt: DOI