Il-Ħames Edizzjoni Tal-Premju Għall-Arti
Il-Kunsill Malti għall-Arti, fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, nieda il-ħames edizzjoni tal-Premju għall-Arti.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera rrefera għall-importanza kruċjali li għandu l-Premju għall-Arti għas-settur. “Permezz ta’ din l-inizjattiva, aħna qegħdin kontinwament niżguraw li nirrikonoxxu l-isforzi u x-xogħol tal-artisti u l-kreattivi tagħna. Bħala gvern, qegħdin nagħtu appoġġ lill-artisti tagħna u l-ħolqien tagħhom fl-iżvilupp ta’ pajjiżna, permezz tal-apprezzament tal-wirt kulturali tagħna u bħala xprun għas-settur lokali biex jimraħ lejn pjattaformi internazzjonali,” stqarr il-Ministru Herrera.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall faħħar il-Premju għall-Arti u ddeskrivieh bħala “ċelebrazzjoni mill-kunsill tal-kisbiet ewlenin fis-setturi kulturali u kreattivi Maltin. Dan huwa wkoll mod kif il-Kunsill Malti għall-Arti juri l-isforz komunitarju tiegħu, minħabba li l-premju huwa wieħed minn ħafna opportunitajiet għall-kreattivi u l-artisti tagħna.”
Il-ħames edizzjoni għandha 13-il kategorija, li 10 minnhom huma kompetittivi, bi 3 oħra li huma unuri.
Maria Angela Vassallo, l-Uffiċjal Eżekuttiv tal-Intraprenditorija Kreattiva, qalet li “l-proġetti u x-xogħlijiet artistiċi mressqa għall-Premju għall-Arti jridu jikkunsidraw dawn il-kriterji li ġejjin, fosthom li jkun hemm l-ogħla livell ta’ eċċellenza, l-udjenza mira tax-xogħol u l-impatt fuq livell komunitarju, jekk hemmx kollaboraturi sinifikanti, x’inhu l-impatt fuq l-ekoloġija kreattiva nazzjonali, u l-kontribut tiegħu lejn l-istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, fost l-oħrajn. Din l-informazzjoni tista’ tinstab f’aktar dettall fil-linji gwida.”
In-nominazzjonijiet jitressqu online, fejn hemm ukoll linji gwida disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Il-proġetti eliġibbli għall-ħames edizzjoni tal-Premju għall-Arti jridu jkunu ttellgħu bejn l-1 ta’ Ottubru 2019 u l-14 ta’ Marzu 2020, u bejn l-1 ta’ Ottubru 2020 u t-30 ta’ Settembru 2021. L-applikazzjonijiet għal din l-edizzjoni jagħlqu nhar it-Tnejn, 28 ta’ Frar 2022, f’nofsinhar. In-nominazzjonijiet se jitħabbru online qabel is-serata tal-premjazzjoni. Għal aktar informazzjoni, linji gwida, u biex titressaq nominazzjonijiet, wieħed jista’ jżur www.premju.mt.
Ritratt: MHAL