Il-Kap Tal-PN Qed Jitlob Dibattitu Parlamentari Urġenti Dwar “L-Attakk Dirett U Frontali” Fuq L-Uffiċju Tal-Ombudsman
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela biex b’mod urġenti jsir dibattitu parlamentari f’seduta speċjali sabiex tiġi diskussa u indirizzata l-ittra li l-ombudsman bagħat lill-ispeaker tal-Kamra tar-rappreżentanti.
Fl-ittra l-Ombudsman esprima t-tħassib tiegħu “għall-attakk dirett u frontali” mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, li fi kliem l-Ombudsman stess din hi reazzjoni b’allegazzjonijiet, nofs veritajiet u insinwazzjonijiet diretti u indiretti.
L-Ombudsman qed jgħid ukoll li s-Segretarju Permanenti Ewlieni qed jipprova jrażżan l-awtorità tal-Ombudsman.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li dan hu attakk fuq istituzzjoni parlamentari li għandha ssib id-difiża sħiħa taż-żewġ naħat tal-Kamra.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li kien ressaq numru ta’ ismijiet ta’ persuni li fil-fehma tiegħu huma idoneji biex iservu fil-kariga ta’ Ombudsman wara li l-mandat tal-Ombudsnan attwali ntemm f’Marzu 2021.
Ritratt: TVM