“Il-Kultura, L-Isport U L-Industrija Tad-Divertiment Mhumiex Prijorità Għall-Gvern” – Il-PN
“Meta lbieraħ il-Ministru tas-Saħħa kellu jagħmel u-turn dwar il-miżuri li ħa ftit jiem qabel dwar il-miżuri għall-Covid-19, ilbieraħ reġa’ nesa l-qasam tal-isport, il-kultura u l-industrija tad-divertiment.”
Dan qalu l-Kelliem tal-PN għall-Gvern Lokali, Wirt Nazzjonali u ż-Żgħażagħ, Karl Gouder flimkien mat-Tim Sport PN wara li bosta nies fis-settur matul il-ġurnata wrew id-diżappunt tagħhom li tħallew barra.
Il-Kelliem tal-PN qal li lbieraħ il-Ministru ħabbar li prattikament ser ineħħi l-miżuri kollha fejn jidħlu l-COVID-19 imma mhux ser ineħħi l-ebda miżuri fejn jidħlu l-sport, il-kultura u l-attivitajiet ta’ divertiment ħlief għat-teatri.
Fi stqarrija l-Kelliem tal-PN Karl Gouder qal li l-isport u l-isportivi kollha f’pajjiżna, inkluż il-partitarji u dawk li jsegwu l-isport lokali b’tant dedikazzjoni u passjoni, għal darb’oħra reġgħu soffrew daqqa oħra mill-Gvern ta’ Robert Abela. “L-istess Prim Ministru, li jemmen li l-isport f’Malta hu għad-dilettanti, kompla jikkonferma kemm għadu jaħsibha l-istess, meta għażel li jeskludi kwalunkwé attività sportiva li ssir fuq barra, mill-lista ta’ attivitajiet oħra magħżula, fejn mhux se jkun mitlub li wieħed jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin.”
Il-PN saħaq li ilu jgħid li aġir bħal dan huwa diskriminatorju fuq dawn is-setturi, speċjalment meta mijiet ta nies għandhom l-għixien tagħhom ibbażat fuq dawn is-setturi.
Il-Partit Nazzjonalista temm jappella lill-Gvern sabiex lil dawn in-nies jimxi magħhom b’mod ġust u ma jibqax jiddiskrimina kontrihom.
Ritratt: stadiumdb.com