Il-Ministru Carmelo Abela Pparteċipa Fis-Sessjoni Plenarja Dwar Il-Futur Tal-Ewropa

 Il-Ministru Carmelo Abela Pparteċipa Fis-Sessjoni Plenarja Dwar Il-Futur Tal-Ewropa

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela pparteċipa fit-tielet plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, li saret bejn il-21 u t-22 ta’ Jannar 2022.

Dawn il-laqgħat plenarji huma parti mill-proċess tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li hija eżerċizzju ta’ konsultazzjoni wiesa’ maċ-ċittadini Ewropej, li bdiet f’Mejju tal-2021, u għandha tagħlaq sar-rebbiegħa tal-2022.

Il-Ministru Abela pparteċipa fil-grupp ta’ ħidma dwar il-migrazzjoni, fejn enfasizza li Malta tagħti importanza partikolari lit-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni. Huwa nnota li l-kwistjonijiet ekonomiċi ser jibqgħu fattur ewlieni għall-migrazzjoni. Il-Ministru stqarr li, “Sabiex inġibu bidla pożittiva, jeħtieġ li naħdmu flimkien mal-imsieħba tagħna, nipprovdu opportunitajiet ekonomiċi u ntejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien, mhux biss fl-UE, iżda aktar importanti f’pajjiżi terzi. Jeħtieġ li naħdmu flimkien fuq dan, u nżommu front magħqud.”

Skont l-aġenda, “valuri u drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà”, il-Ministru Carmelo Abela spjega li r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati mill-membri tal-plenarja huma xhieda li l-UE mhijiex biss demokrazija vibranti, iżda waħda mibnija fuq valuri b’saħħithom.

Il-Ministru, fl-intervent tiegħu, laqa’ r-rakkomandazzjoni li jiġu stabbiliti kriterji kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u li jinħoloq qafas li jappoġġja l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’mod partikolari permezz ta’ investiment f’faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal. Huwa spjega li Malta diġà qed tadotta din il-miżura permezz tal-għoti ta’ servizzi għall-indukrar tat-tfal mingħajr ħlas, u li r-riżultati kienu pożittivi ħafna; kemm biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol, kif ukoll biex jiġi żgurat bilanċ akbar u aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Ġew ippreżentati rakkomandazzjonijiet li ċ-ċittadini b’mod ċar jeħtieġu  strumenti aħjar għall-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-mezzi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jindirizzaw it-tħassib u l-ilmenti tagħhom dwar il-benefiċċji u d-drittijiet relatati mal-UE. F’dan ir-rigward, il-Ministru Carmelo Abela rrefera għas-Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), bħala aġenzija li tista’ sservi ta’ mudell, li kapaċi taħdem fl-Istati Membri kollha. Huwa spjega li l-irwol tas-SEM f’Malta, huwa li tibqa’ żżomm liċ-ċittadini infurmati dwar x’inhu għaddej fl-UE, li tinvolvihom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li tisfrutta l-benefiċċji tas-sħubija fl-UE, b’mod partikolari billi tassisti lill-organizzazzjonijiet fl-isfruttar tal-opportunitajiet ta’ finanzjament mill-UE.

Is-SEM organizzat 40 attività ta’ diskussjoni f’Malta u Għawdex, għal firxa wiesgħa ta’ nies, biex jagħtu l-ideat u s-suġġerimenti tagħhom dwar il-Futur tal-Ewropa. Il-Ministru Abela rrimarka li, “il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini hija tfakkira għalina l-politiċi, biex qatt ma nieqfu nisimgħu dak li għandhom xi jgħidu ċ-ċittadini, l-importanza tal-edukazzjoni demokratika, u li nżommu djalogu miftuħ maċ-ċittadini.”

Fi tmiem id-diskors tiegħu lill-plenarja, il-Ministru Abela wera t-tama li dan huwa biss il-bidu ta’ dan il-vjaġġ ta’ djalogu soċjali miftuħ, u li jirriżulta f’Unjoni li verament tirrifletti l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej kollha.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com