“Il-Ministru Clyde Caruana Għandu Bżonn Jieqaf Jhedded Lin-Negozjanti Maltin” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech
“Il-Ministru Clyde Caruana għandu bżonn jieqaf jhedded lin-negozjanti Maltin, u jiddedika ħinu biex jassigura li l-kollegi tiegħu ma jkomplux jaħlu flus il-poplu fuq kuntratti korrotti.”
Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech permezz ta’ post fuq il-midja soċjali. “Il-kummenti tal-Ministru fil-Parlament jagħmluha ċara li l-Gvern qed jippjana li wara l-elezzjoni, jekk jerġa’ jkun elett, jkompli jżid it-toqol burokratiċi, li diġà jilħqu livelli bla preċedent, fuq in-negozji Maltin u Għawdxin. Dan biex ikun jista’ jagħmel tajjeb għall-problemi li kkrea l-Partit Laburista stess.”
Il-Kap tal-PN żied jgħid illi n-negozji diġà qed iħossu l-impatt negattiv tad-deċiżjonijiet ħżiena tal-Partit Laburista, “li bil-korruzzjoni fl-għola livelli tal-Gvern pajjiżna spiċċa fuq il-lista l-griża li waħħalna biha l-Labour u li żiedet inċertezzi u diffikultajiet kbar f’diversi setturi.”
Bernard Grech temm jgħid li l-Ministru Caruana jidher li huwa kuntent jara lil sħabu jagħtu rekord ta’ direct orders li ma jrendu xejn lura għall-poplu, li jkompli jappoġġja ftehimiet korrotti bħal tal-Electrogas u Stewards, u li l-Ministru tal-Ekonomija jonfoq iżjed minn €30 Miljun biex jikri vetrina tal-kmamar tal-banju fiż-Żejtun.