Il-MPE Alex Agius Saliba Elett Bħala Viċi-President Tal-Kumitat Tal-Petizzjonijiet

 Il-MPE Alex Agius Saliba Elett Bħala Viċi-President Tal-Kumitat Tal-Petizzjonijiet

Wara li l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew innomina lill-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba sabiex isir Viċi-President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, dalgħodu din in-nomina kienet approvata b’mod unanimu mill-membri kollha tal-Kumitat.

Matul l-aħħar sentejn u nofs, Agius Saliba okkupa l-irwol ta’ koordinatur f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi ta’ dan l-istess Kumitat. Dan il-Kumitat Parlamentari għandu rwol importanti hekk kif iservi bħala pont bejn iċ-ċittadini Ewropej, il-Parlament u l-Istituzzjonijiet Ewropej. L-għan ta’ dan il-Kumitat huwa li jservi sabiex iċ-ċittadini jkollhom irwol parteċipattiv fid-demokrazija.

“Ninsab onorat li ġejt elett bħala Viċi-President ta’ dan il-Kumitat importanti li jagħti opportunita’ lilna l-Ewro-Parlamentari u l-Istituzzjonijiet Ewropej sabiex ninteraġġixxu b’mod dirett maċ-ċittadini u fuq kollox, ikollna djalogu magħhom speċjalment meta jkun hemm ksur ta’ liġijiet Ewropej”, sostna Alex Agius Saliba.

Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet jippermetti biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jwasslu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum fi ksur ta’ drittijiet tagħhom u liema drittijiet jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Unjoni Ewropea. Id-dritt ta’ petizzjoni huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej. Permezz tal-petizzjonijiet, il-Parlament għandu l-opportunita’ li jindirizza u jagħti soluzzjonijiet għall-petizzjonijiet li jmexxu ‘l quddiem ċittadini Ewropej.

Sa mill-bidu tal-mandat, il-MPE Agius Saliba kellu rwol attiv ħafna f’dan il-Kumitat sabiex ikompli jqajjem l-isfidi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini, pero’ fuq kollox jiddefendi d-drittijiet fundamentali ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, sabiex ħadd ma jaqa’ lura.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com