Il-PM Robert Abela Jgħid Li L-Istituzzjonijiet Għandhom Jużaw Is-Setgħa Tagħhom Għall-Ġustizzja Biss

 Il-PM Robert Abela Jgħid Li L-Istituzzjonijiet Għandhom Jużaw Is-Setgħa Tagħhom Għall-Ġustizzja Biss

Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern ta l-fiduċja sħiħa u r-riżorsi lill-istituzzjonijiet u jistenna li l-istituzzjonijiet iridu joqogħdu attenti li dik il-fiduċja jibqgħu jżommuha ta’ kuljum.

Huwa qal dan waqt li kien qed jagħti kummenti lill-ġurnalisti quddiem il-Parlament wara li aktar kmieni llum il-Pulizija għamlu tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat.

“Tajniehom riżorsi sħaħ biex iwettqu l-inkarigu tagħhom.  Ir-riżorsi u l-fiduċja jridu jeżerċitawhom biss għar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja u ebda għan ieħor. Ma nixtieqx nikkummenta bil-wisq dwar dan il-każ għax hemm inkjesta maġisterjali pendenti u r-rispett li għandi lejn l-istituzzjonijiet u l-fiduċja li dejjem urejt lejn il-qrati jżommuni milli nikkummenta fit-tul,” tenna Robert Abela.

Huwa qal wkoll li diffiċilment jifhem id-deċiżjoni li jittieħdu wkoll il-mobiles taż-żewġ ulied ta’ Joseph Muscat.

Dwar il-kummenti tal-Kap tal-PN Bernard Grech, il-Prim Ministru Robert Abela qal li r-reazzjoni tiegħu uriet kemm huwa “politiku cheap u medjokri.”

Aktar kmieni l-Kap tal-PN Bernard Grech permezz ta’ post fuq il-mezzi soċjali qal li “llum Joseph Muscat reġa’ għamel theddida lil Robert Abela.”

Grech kompla jgħid li Joseph Muscat stess qed jagħti x’jifhem li Abela intervjena mal-Pulizija biex jumiljah. “Dan wara rejd mill-Pulizija li ġie ppjanat biex jaqdi l-interessi elettorali ta’ Robert Abela.”

Il-Kap tal-PN qal ukoll li “Muscat ammetta hu stess li kellu xhur sħaħ biex jipprepara d-difiża tiegħu.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com