Il-PN Jgħid Li Robert Abela Għandu Jikkundanna Lil Karl Stagno Navarra

 Il-PN Jgħid Li Robert Abela Għandu Jikkundanna Lil Karl Stagno Navarra

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal li Robert Abela għandu minnufih jikkundanna l-aġir tal-propagandista Laburist li hu mħallas mit-taxxi tal-poplu, Karl Stagno Navarra, wara li lbieraħ akkuża żewġ ġurnalisti li huma aġenti kkoordinati tal-kaos.

Intqal li l-ġurnalisti kienu qed isaqsu mistoqsijiet ovvji: Għaliex Robert Abela ħassar l-vjaġġ tiegħu għad-Dubai Expo, lejliet ir-rejd fid-dar ta’ Joseph Muscat? Kien jaf li se jseħħ dan ir-rejd?

“Minflok wieġeb il-mistoqsija u ddikjara jekk kienx jaf jew le bir-raid tal-pulizija, Robert Abela ħarab milli jwieġeb, u ħalla f’idejn il-propagandista tiegħu biex jattakka l-integrità tal-ġurnalista lill-udjenza ta’ ONE TV. Din mhux l-ewwel darba li l-propagandista ta’ Robert Abela inqabad jattakka l-media indipendenti, wara li kien intalab jirtira kummenti fil-konfront ta’ ġurnalista ta’ Lovin Malta f’Ottubru.”

L-istqarrija kompliet tgħid li Abela qed jaħrab ukoll mit-12-il Abbozz ta’ Liġi li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex isaħħaħ il-ġurnaliżmu, is-saltna tad-dritt u jiġġieled il-korruzzjoni, il-kriminalità finanzjarja u l-mafja.

“L-aġir tal-propagandista ewlieni tiegħu, jikxfu l-intenzjonijiet veri ta’ Robert Abela, li l-kontribut ewlieni tiegħu minn mindu laħaq Prim Ministru kien li żarma għal kollox kull integrità ġurnalistika fuq TVM.

Abela għandu jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Stagno Navarra, li qed jitħallas sa €90,000 mill-Air Malta, biex jaħdem fuq ONE TV. Dan filwaqt li impjegati ġenwini tal-linja tal-ajru tilfu xogħolhom wara disa’ snin ta’ tmexxija finanzjarja ħazina mill-gvern Laburist.” Hekk temmet tgħid din l-istqarrija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com