Il-PN Jibbojkottja L-Kumitat Immexxi Minn Rosianne Cutajar

 Il-PN Jibbojkottja L-Kumitat Immexxi Minn Rosianne Cutajar

“Ma kien hemm l-ebda qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex Rosianne Cutajar tinħatar biex tmexxi l-kumitat parlamentari dwar is-saħħa. Din kienet mozzjoni li l-Gvern ressaq bil-moħbi.”

Il-PN sostna dan fi stqarrija fejn qal li l-Prim Ministru Robert Abela wera disprezz sfaċċat lejn l-istituzzjonijiet billi ħatar lil Rosianne Cutajar wara li aktar qabel kienet imġiegħla tirriżenja mill-kariga tagħha fil-Kabinett. “Dan juri x’għandna nistennew jekk Robert Abela jirbaħ l-elezzjoni li jmiss,” saħaq il-PN.

Dan il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa kien imexxi mid-Deputat Laburista Silvio Grixti li rriżenja mill-Parlament f’Diċembru.

Il-PN tenna li Rosianne Cutajar mhix tajba għal kariga pubblika u m’għandhiex tiġi promossa għal irwol bħal dan, anke jekk għad fadal biss ftit ġimgħat għall-elezzjoni ġenerali.

Il-PN iddikjara li mhux se jkun qed jipparteċipa fil-kumitat immexxi minn Rosianne Cutajar, qal ukoll li Cutajar mhix kwalifikata għal din il-kariga.

Il-PN temm jgħid li se jkun qed jibqa’ ffukat biex jaħdem bis-sħiħ biex idaħħal fis-seħħ 12-il Abbozz ta’ Liġi bla preċedent li jiġġieldu l-korruzzjoni, il-kriminalità finanzjarja u l-mafja biex ħadd mill-Gvern Laburista ma jaħrab il-ġustizzja.

“Jekk qatt kien hemm dubju li Bernard Grech ma jmexxix il-Partit Nazzjonalista qed jinqata’ ma’ kull jum li jgħaddi.” – Il-Partit Laburista

Intant il-PL fi stqarrija b’reazzjoni għal dan qal li ftit iktar minn tnax-il siegħa wara li Repubblika qalulu li kellu joġġezzjona għall-irwol ta’ Rosianne Cutajar fuq il-kumitat għas-saħħa tal-Parlament, Bernard Grech ħabbar li l-PN se jirtira mill-kumitat.

“Nistagħġbu kif l-Oppożizzjoni ma oġġezzjonatx għal din il-ħatra u nistennew li tispjega l-pożizzjoni tagħha,” kitbu Repubblika u għal darb oħra Bernard Grech wieġeb ‘Yes Sir’ minnufih u ħabbar li issa l-PN se jibbojkotja l-kumitat, sostna il-PL.

Il-PL temm jgħid li d-Deputat Rosianne Cutajar ħallset prezz politiku b’riżenja mill-eżekuttiv.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com