Il-PN Jikkundanna “L-Attakki Bla Preċedenti” Fuq L-Istituzzjonijiet Mill-Whip Tal-Gvern
“Robert Abela għandu test biex juri kemm verament jemmen dak li jgħid u ta’ bilħaqq juri li jiddefendi l-istituzzjonijiet.” Hekk sostna il-Partit Nazzjonalista wara li lbieraħ il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield “infexx f’attakki bla preċedenti” fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija l-PN ikkundanna bla riżervi dan l-aġir u dan l-attakk.
Il-PN qal li dak li għamel Glenn Bedingfield fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhu xejn għajr pressjoni intenzjonata biex jipprova “jintimida lill-Maġistratura u l-istituzzjonijiet bl-iskop li jxekkilhom milli jagħmlu xogħolhom.”
“Robert Abela għandu jieħu azzjoni b’mod immedjat fil-konfront tal-Whip tal-Gvern,” saħaq il-PN, filwaqt li tenna li jekk Robert Abela ma jagħmilx dan hu kompliċi miegħu f’attakk bla preċedent.
“Il-maskra ta’ Robert Abela waqgħet,” sostna l-PN, filwaqt li temm jgħid li l-Gvern għamel minn kollox biex ma jiddiskutix l-abbozz ta’ liġi li jindirizza l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza, “il-biża’ li qed taħkmu qed iġġiegħlu jattakka l-istess istituzzjonijiet li sa ftit ilu kien qed jgħid li qed jagħmlu xogħolhom.”