Il-PN Qal Li Għal Darb’Oħra L-Gvern Għamel U-Turn – Il-PL Qal Li Hu Dejjem Ħa Deċiżjonijet Fuq Il-Fatti U Mhux Fuq Il-Populiżmu
“Għal darb’oħra l-Gvern għamel U-turn. Robert Abela bela kliemu u kellu jirrikorri għal dak li qal il-PN.” – Il-Partit Nazzjonalista
Kien dan il-messaġġ li wassal il-PN fi stqarrija b’reazzjoni għar-rilaxx ta’ miżuri li tħabbru lbieraħ mill-Ministru Chris Fearne fil-Parlament.
Il-PN qal li l-Prim Ministru Robert Abela attakkahom għax kienu qed issemmgħu l-vuċi ta’ eluf ta’ nies li kienu qed iħossuhom iddiskriminati mill-miżuri li ġew introdotti fis-17 ta’ Jannar. “Issa Robert Abela ġie fi kliem il-PN u se jibda jneħħi l-miżuri fis-7 ta’ Frar li ġej,” tenna l-PN.
Intqal li dawn il-miżuri kienu eċċessivi u diskriminatorji mill-bidu nett, u żiedu wkoll piż ieħor fuq min iħaddem li diġà kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar fil-provvista tax-xogħol, żieda fl-ispejjeż u burokrazija żejda.
Il-PN tenna, biex min jista’ jieħu l-vaċċin, jew il-booster, jieħdu. Iżda l-libertà tal-bniedem għandha dejjem tiġi rrispettata.
“Robert Abela irid jieqaf ikun reattiv u jibda jiddeċiedi u jaġixxi fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi,” temm jgħid il-PN.
“Huwa faċli ħafna li xi darba tolqot dak li jkun qal il-Kap tal-Oppożizzjoni għax ġurnata jkun qal mod u ġurnata jkun qal mod ieħor.” – Il-Partit Laburista
B’referenza għall-istqarrija tal-PN dwar il-Covid-19, il-PL qal li Gvern immexxi minn Robert Abela baqa’ jieħu d-deċiżjonijiet b’mod konsistenti biex jipproteġi s-saħħa u l-għajxien tan-nies skont ir-riżultati marbuta max-xjenza.
Il-PL saħaq li illum il-każi tal-Covid-19 huma iktar taħt kontroll, ir-rata ta’ persuni fl-isptarijiet baqgħet waħda stabbli u fuq kollox żdiedet b’mod qawwi r-rata tal-booster.
“Huwa għalhekk li l-Gvern jista’ jkompli bl-istrateġija li tnaqqas il-miżuri u li tieħu ħsieb is-saħħa tan-nies. Strateġija bbażata fuq il-fatti u mhux fuq il-populiżmu,” temm jgħid il-PL fl-istqarrija tiegħu.