Il-PN Qal Li L-Attitudni Tal-PL Se Twassal Biex Pajjiżna Jibqa’ Fil-Lista L-Griża
“Robert Abela juża lill-messaġġier tiegħu Glenn Bedingfield biex jattakka l-istituzzjonijiet li suppost ssaħħu u qed jitħallew jaħdmu…Robert Abela qed jibqa’ jagħżel l-klikka kontra l-interessi ta Malta… Din l-attitudni se twassal biex pajjiżna jibqa’ fil-lista l-griża.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u mill-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar.
Il-Kelliema saħqu li ilbieraħ Glenn Bedingfield għamel attakk bla preċedent fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Dan id-diskors ta’ Glenn Bedingfield huwa inaċċettabbli f’soċjetà demokratika u għandu jsib il-kundanna ta’ kull min tassew jemmen fid-demokrazija, fil-ġustizzja u fis-saltna tad-dritt.
Il-Kelliema tal-PN saħqu li l-Prim Ministru sa issa għadu ma għamel xejn u “għalhekk in-nuqqas ta’ azzjoni tagħmlu kompliċi miegħu fl-attakk fuq l-iktar istituzzjonijiet importanti fid-demokrazija ta’ pajjiżna.”
Intqal li ftit tal-jiem ilu biss il-Prim Ministru attakka u wissa lill-Maġistrat li qed twettaq l-inkjesta dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet lill-Vitals. “Minflok iddefenda lill-Maġistrat talli qed twettaq dmirha, ikkritika lilha u lill-Pulizija talli qdew dmirhom meta marru għand Joseph Muscat biex jiddefendu l-interessi ta’ kull Malti u Għawdxi mis-serq tal-isptarijiet pubbliċi.”
Fil-konferenza l-Kelliema tal-PN qalu li nhar il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru bl-iktar mod “sfaċċat” qal lin-nies li meta l-istituzzjonijiet ikunu qed jaħdmu għandhom imorru għandu direttament biex iwaqqfu l-istituzzjonijiet milli jaħdmu. “Dan huwa abbuż sfaċċat u aġir illegali mill-Prim Ministru li qed jinqeda bil-pożizzjoni tiegħu biex jhedded u jikkontrolla l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.”
Huma temmew jgħid li d-diskorsi ta’ Glenn Bedingfield u ta’ Robert Abela juru li l-Partit Laburista mhux vera jemmen fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna iżda jrid li l-Gvern u l-politiċi li jkunu fil-Gvern ma jkun jista’ għalihom ħadd. Irid li l-istituzzjonijiet jaħdmu biss kontra ħaddieħor u m’għandhomx jitħallew jaħdmu meta jkun hemm l-abbuż u s-serq mill-Gvern u l-Partit Laburista.