Il-President Franċiż Qal Li Jrid Idejjaq Lil Dawk Il-Persuni Mhux Imlaqqma Sakemm Jitlaqqmu

 Il-President Franċiż Qal Li Jrid Idejjaq Lil Dawk Il-Persuni Mhux Imlaqqma Sakemm Jitlaqqmu

Fil-Parlament Franċiż qed tkun diskussa liġi sabiex minn nofs Jannar persuni li għandhom ‘il fuq minn 12-il sena jridu jużaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin biex jidħlu f’postijiet pubbliċi.

Jidher li s’issa m’hemmx qbil għalkemm il-President Franċiż Emmanuel Macron stqarr illi jrid “jagħmel il-ħajja diffiċli” għal min mhux imlaqqam kontra l-Covid-19. “Irrid nibqa’ indejjaqhom sakemm jitlaqqmu”, stqarr il-President mal-ġurnal Le Parisien.

Din il-liġi qed tkun imressqa sabiex il-Gvern Franċiż jkun jista’ jikkontrolla t-trasmissjoni tal-varjant Omicron, hekk kif fl-aħħar sebat ijiem Franza rrapportat ‘il fuq minn 200,000 każ ġdid kuljum.

Emmanuel Macron qal li hu ma jistax jobbliga li persuna tieħu l-vaċċin, iżda se jkun qed jagħmel minn kollox sabiex jillimita għal kollox l-aspetti varji li jolqtu l-ħajja soċjali, għal dawk kollha li qed jagħżlu illi ma jitlaqqmux.

Din id-diskussjoni fil-Parlament baqgħet għaddejja sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu sakemm il-maġoranza tad-deputati preżenti għaddew mozzjoni biex is-sessjoni tkun sospiża qabel jittieħed il-vot.

Intant, f’Marseille fi Franza, instab varjant ġdid bl-isem ta’ ‘IHU’. L-awtoritajiet tas-saħħa lokali qalu li jinsabu mħassba ferm wara li nstab varjant ieħor tal-Covid, fejn diġà ġew infettati 12-il persuna.

Ritratt: Euronews

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com