Il-President Vella Jippresiedi T-Tifkira Tal-Olokawst
Matul it-tifkira tal-Olokawst fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President George Vella qal li waħda mir-raġunijiet għalfejn għandu jitfakkar l-Olokawst hija biex noqogħdu attenti mill-użu possibbli tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-lum b’tali mod li ma jwassalx għal firxa aktar mgħaġġla u wiesgħa ta’ diskors ta’ mibegħda, diskriminazzjoni razzjali jew teoriji ta’ superjorità razzjali.
Spjega li t-tieni raġuni għalfejn jitfakkar l-Olokawst hija miġbura fil-frażi ‘Never Again’ (Qatt Aktar). “Wieħed għandu jistaqsi jekk aħna ngħidux dan bħala dikjarazzjoni ta’ fatt, jew sempliċi dikjarazzjoni ta’ x’inhu l-ideal”, qal il-President Vella. Il-fatti storiċi u politiċi madwar id-dinja, sal-lum, juru mod ieħor.
Il-President Vella saħaq dwar l-importanza li nagħmlu l-almu tagħna billi nibdew nimponu kontrolli l-aktar stretti fir-rigward tal-industrija u l-provvista tal-armi u l-munizzjon. Qal li dan iservi bħala l-ewwel pass biex jitnaqqsu t-tbatija u l-umiljazzjoni ta’ bnedmin ħutna hekk kif “miljuni ta’ persuni madwar id-dinja għadhom qegħdin jiġu mċaħħda mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem li d-dinja diġà rat biżżejjed minn dan.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo qal li għandna nitgħallmu mill-ħażen li ġara, m’għandniex nobogħdu lil xulxin, m’għandniex inkunu krudili ma’ xulxin bħal dak li ġara fl-Olokawst. Stqarr li, “huwa importanti li tittratta lil kulħadd bħala bnedmin ugwali u nippruvaw nifhmu speċjalment lil dawk li huma differenti minna u saħansitra lil dawk li ma nafdawx.”
Matul it-tifkira, is-Sur Daniel Pariente wassal messaġġ f’isem il-komunità Lhudija f’Malta u r-Rabbi Chabad qal talba ad unur u b’tifkira tal-memorja tal-vittmi tal-Olokawst.
Ritratti: DOI