Il-Pulizija Bi Tfittxija Għal Żewġt Irġiel Li Wettqu Serqa Minn Ħanut F’Raħal Ġdid

Żewġt irġiel mgħammda u armati lbieraħ, għall-ħabta tad-9:15pm wettqu serqa f’ħanut fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid.
Il-Pulizija marret fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari jidher li żewġt irġiel mgħammdin u armati b’armi tan-nar, daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxiera u klijent li kien fil-ħanut fil-ħin tas-serqa.
Iż-żewġt irġiel ħarbu minn fuq il-post wara li serqu ammont ta’ flus kontanti.
Il-klijent, raġel ta’ 26 sena mill-Kalkara kien iċċertifikat bi ġrieħi ħfief minn tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, filwaqt li l-kaxxiera u ħaddiem ieħor li kienu fil-ħanut ma sofrewx ġrieħi.
Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħallelin filwaqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia li fetħet inkjesta.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.