Il-Vot Tas-Sindku Tan-Naxxar Dwar L-Iżvilupp Tal-Parkeġġ Tat-Tradefair Kien Jirrifletti L-Opinjoni Tal-Kunsill
Il-Kunsill Lokali Naxxar waqt laqgħa li saret ilbieraħ approva riżoluzzjoni dwar il-vot li tat is-Sindku waqt il-laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar fid-9 ta’ Diċembru 2021 fir-rigward tal-iżvilupp PA2427/21.
Fi stqarrija, l-Kunsill Lokali Naxxar wara numru ta’ kummenti fil-konfront tas-Sindku u l-Kunsill Lokali ddikjara u kkonferma li l-vot mogħti fl-imsemmija laqgħa mis-Sindku kien jirrifletti l-opinjoni tal-Kunsill.
Il-Kunsilliera wkoll saħqu li din l-opinjoni kienet espressa f’diversi laqgħat, inkluż, u b’mod partikulari fil-laqgħa tal-Kunsill numru 33 tas-27 ta’ Ottubru 2021.
F’din ir-riżoluzzjoni l-Kunsill għamilha ċara wkoll li d-dmir tas-Sindku fl-imsemmija laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar kien biss li tivvota skont ix-xewqa tal-Kunsill u li kieku vvotat differenti kienet tmur kontra r-rieda tal-Kunsill.
Il-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali Naxxar permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni temmew jgħidu li l-opinjoni tal-Kunsill ġiet iffurmata wara diversi laqgħat b’mod partikulari laqgħat ta’ konsultazzjoni mar-residenti.