Imnedija Strateġija Dwar Il-Protezzjoni Tal-Kosta Tal-Gżejjer Maltin

 Imnedija Strateġija Dwar Il-Protezzjoni Tal-Kosta Tal-Gżejjer Maltin

Waqt konferenza li saret fejn ġew diskussi pjanijiet prospettivi rigward il-kunċett tal-erożjoni f’pajjiżna, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Permanenti Joseph Caruana nedew il-proġett bl-isem Coastal-COVER, proġett strateġiku li se jitmexxa b’mod konġunt mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. Il-proġett mistenni jindirizza strateġija effettiva dwar il-protezzjoni tal-kosta ta’ pajjiżna.

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħadem fuq approċċ aktar strateġiku għal din il-problema nazzjonali. Dan beda billi ħares lejn kwistjonijiet lokalizzati b’mod aktar ħolistiku u permezz tax-xjenza indirizza l-problemi fejn imbagħad saret valutazzjoni tar-riskju. Wara snin ta’ riċerka, evalwazzjoni preliminari tar-riskji preżenti, u ppjanar ta’ viżjoni strateġika, id-dipartiment ħejja proposta għall-formulazzjoni ta’ Strateġija ta’ Protezzjoni Kostali għall-Gżejjer Maltin.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li, “Se naraw ukoll armonizzazzjoni f’diversi Ministeri fi ħdan il-Gvern biex inkunu nistgħu nimplimentaw soluzzjonijiet ta’ protezzjoni tal-kosta għall-Gżejjer Maltin billi nistabbilixxu qafas strateġiku konsistenti u ħolistiku fil-livell nazzjonali. Dan għandu jkun pass ieħor biex ikun hemm strateġija għall-ħarsien tal-kosta għall-Gżejjer Maltin li tkompli tgħolli l-prodott turistiku ta’ Malta għar-realtajiet ta’ għada”.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ entitajiet nazzjonali oħra, u b’investiment totali ta’ €600,000 ko-finanzjati minn fondi Ewropej dan il-proġett se jiżgura li l-kosta tagħna tkun salvagwardjata biex illum inkunu nistgħu ngawduha aħjar u b’mod aktar responsabbli, u biex tiżdied il-probabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna li jagħmlu l-istess. Flimkien ma’ proġetti oħra, il-Gvern qed jinvesti biex jiżgura kwalità ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadini tiegħu billi jiggarantixxi livell għoli ta’ għajxien f’kull aspett.

Is-Segretarju Permanenti Joseph Caruana saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-proġett li l-għan aħħari tiegħu hu li nipproteġu l-kosta ta’ pajjiżna. “Il-proġett huwa dwar il-protezzjoni tal-kosta u l-idea warajh hi li l-ewwel nifhmu l-problemi u r-riskji billi nħarsu lejn il-‘Coastal and Climate Overall Vulnerability and Exposure Risks’ – u għalhekk semmejna l-proġett Coastal-COVER – u mbagħad niżviluppaw strateġija ta’ protezzjoni biex nissalvagwardjaw il-wellbeing tagħna kontra dawn ir-riskji. L-erożjoni kostali toħloq problemi ta’ riskju għas-sigurtà pubblika, minħabba l-fatt li jista’ jkollok blat li jaqa’ f’xi żoni kostali li l-aktar iżuruhom in-nies. Dan kien ilu jiġi indirizzat għal diversi deċennji mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Għal dan il-għan inħossu li din hija prijorità nazzjonali u b’hekk rajna li ninvolvu l-aqwa esperti f’dan il-qasam sabiex niżviluppaw strateġija li tindirizza b’mod effettiv dawn il-problemi”, stqarr is-Segretarju Permanenti Joseph Caruana.

Ritratti fl-artiklu: DOI

Ritratt prinċipali: mapio.net

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com