Inawgurat Spazju Miftuħ Ġdid Għall-Familja F’Ħaż-Żebbuġ
B’investiment ta’ madwar €250,000 u b’xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-komunità Żebbuġija se tkun qed tgawdi minn spazju miftuħ ieħor li jinsab fi Triq il-Mitħna f’Ħaż-Żebbuġ. Dawn ġie inawgurat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’din l-istess triq.
Il-Ministru Ian Borg ta bidu għad-diskors tiegħu billi semma kif proġetti komunitarji bħal dawn huma tal-istess importanza daqs l-investimenti kbar li qed jitwettqu madwar pajjiżna. Huwa faħħar id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-ħidma li qed twettaq madwar pajjiżna bi proġetti li ivarjaw minn dawk nazzjonali bħall-Malta National Park sa proġetti komunitarji bħal dawn li permezz tagħhom il-komunitajiet qed jibbenefikaw minn kwalità tal-ħajja aħjar.
“Permezz ta’ dawn il-proġetti qegħdin naraw li nsebbħu l-lokalitajiet tagħna, noffru spazji fejn il-ġenituri flimkien ma’ uliedhom jistgħu iqattgħu l-ħin liberu tagħhom pero aktar importanti minn hekk qed inserrħu moħħ il-ġenituri li uliedhom qed jilgħabu fi spazji li huma mgħammra bl-aqwa sigurtà. Dan l-ispazju kien tħalla fi stat mitluq u b’diversi problemi. B’hekk ħassejna l-ħtieġa li nintervjenu. Dħalna għall-isfida, sibna soluzzjoni, ħdimna u llum qegħdin hawn ninawguraw spazju miftuħ ieħor ta’ kwalità għolja. Kommessi li nżommu l-impenn tagħna sabiex nassiguraw li l-komunitajiet kollha tagħna jibbenefikaw minn spazji u ambjent li tassew jixraqilhom.”
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq bosta xogħlijiet f’dan l-ispazju miftuħ fosthom żieda ta’ żoni ta’ rikreazzjoni bil-għan li jintlaħqu etajiet differenti, xogħlijiet infrastrutturali u ta’ livellar, sistema ta’ immaniġġjar tal-ilma tax-xita, tħawwil ta’ siġar, installazzjoni ta’ dwal, għadd ta’ bankijiet ġodda u żona għall-parkeġġ tar-roti.
Ritratti: DOI