Inawgurata L-Ewwel Roundabout F’Malta Li Taħdem Bil-Pannelli

 Inawgurata L-Ewwel Roundabout F’Malta Li Taħdem Bil-Pannelli

Roundabout fil-limiti ta’ Ħal Safi saret l-ewwel waħda li taħdem b’impjant fotovoltajku fejn l-apparat kollu elettriku u tal-irrigazzjoni tagħha se jkunu qed jużaw enerġija rinnovabbli ġenerata miċ-ċelloli fotovoltajċi.

Dan tħabbar mill-Ministru Aaron Farrugia li qal li dan hu l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta li jiddependi kollu kemm hu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Il-Ministru spjega li din ir-roundabout, li tneħħiet fil-bidu tas-sena l-oħra, issa reġgħet ġiet installata bħala parti minn dan il-proġett u tħawlu numru ta’ pjanti li jattiraw il-pollinaturi.

Il-proġett se jkun qed jiffranka madwar 10kg tal-emissjonijiet tal-karbonju kull 24 siegħa.

“Dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif kunsilli lokali u entitajiet oħra jistgħu jingħaqdu flimkien biex joħolqu proġetti sostenibbli, f’dan il-każ, jagħqdu l-enerġija rinnovabbli ma’ tisbiħ urban biex it-tnejn jagħtu eżempju, itejbu l-pajsaġġ urban tagħna, ikunu ta’ benefiċċju għall-pollinaturi u jieħdu l-benefiċċji tal-enerġija solari. Fuq il-post tħawlu wkoll pjanti staġjonali biex tissebbaħ l-estetika tal-proġett, u l-pjanti kollha huma adattati għall-klima ta’ Malta u ma jeħtiġux tisqija eċċessiva,” qal il-Ministru.

Il-Ministru Farrugia tenna li Ambjent Malta hija impenjata li timplimenta u timmaniġġja żoni ta’ konservazzjoni, żoni protetti, infrastruttura ħadra u żoni sensittivi. Fl-2021 biss, Ambjent Malta investiet aktar minn €350,000 għal proġetti ġodda ta’ tisbiħ mal-ELC.

Is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula qal li l-Kunsill Lokali sa mill-bidu nett xtaq li dan il-proġett ikun 100% ambjentalment nadif. Spjega li l-pannelli solari li ġew installati huma l-uniku sors ta’ enerġija għat-tħaddim ta’ dan il-proġett li jinkludi sistema ta’ irrigazzjoni għat-tisqija ta’ diversi arbuxelli li tħawlu fir-roundabout u fis-soft areas tal-madwar, is-sistema ta’ dawl LED li qed idawwal ir-roundabout kollha matul il-lejl u l-pompa li qed tħaddem il-funtana li saret waqt il-proġett stess.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com