Inċident Tat-Traffiku Fi Triq Diċembru 13 Fil-Marsa
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur Suzuki, misjuq minn raġel min-Nepal ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar, u Mazda Demio, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti s-Siġġiewi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.