‘Insalvaw L-Istorja Tagħna’ – L-Imqabbin B’Sejħa Għal Ritratti Antiki Bil-Għan Li Dawn Ma Jintilfux
“Iż-żmien jgħaddi u ma jistenna lil ħadd, dak li jibqa’ huma biss memorji…”
Dan huwa l-messaġġ li qed twassal s-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba permezz ta’ proġett li varat ftit tal-jiem ilu permezz tal-Kummissjoni WEB li hija l-fergħa fi ħdan l-istess Soċjetà li tieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam ma midja.
‘Insalvaw l-Istorja tagħna’ huwa proġett li permezz tiegħu l-Banda Re Ġorġ V qiegħda tiġbor ritratti antiki mingħand il-pubbliku, bil-għan li dawn ma jintilfux. Apparti minn hekk kopji tagħhom se jiġu arkivjati fl-arkivji tas-Soċjetà u mhux biss, iżda jiġu pubblikati fuq il-midja soċjali sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku ġenerali speċjalment dak Imqabbi.
Għalhekk l-appell tal-Kummissjoni WEB lil dawk kolla li għandhom ritratti antiki relatati mal-Festa Titulari ta’ Santa Marija, il-ħidma fl-istess Soċjetà kif ukoll dwar ir-raħal tal-Imqabba bħal ma huma is-sengħa tal-ġebel, barrieri u aspetti inġenerali u jixtiequ jkunu parti minn dan il-proġett huma mħeġġa jagħmlu kuntatt permezz tal-email [email protected] jew permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/santamarija
Il-materjal oriġinali jingħata lura lil individwu u jingħata kreditu lill-individwu għal kull materjal provdut.