“Irridu Sena Ta’ Tkattir Ta’ Xogħol, Fiduċja U Investiment” – Il-Prim Ministru
“Din trid tkun sena oħra fejn inkomplu nkattru x-xogħol. U dan nagħmluh billi quddiem l-isfidi nidħlu b’saħħa u mhux noqgħodu idejna fuq żaqqna. U hawn għandna pjan ċar ħafna. Il-pjan dwar Malta li rridu għal uliedna, li ressaqna ‘l quddiem f’Ottubru u issa tibda tintensifika l-implimentazzjoni tiegħu.”
Waqt intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela sostna kif l-investituri jafu li għad hemm żmien sabiħ ġej għal pajjiżna.
“Tul il-pandemija kollha tkellimna kif ridna nieħdu ħsieb is-saħħa tan-nies, iżda wkoll il-kwalita’ ta’ ħajja Għax dejjem fhimna l-konsegwenzi mifruxa tal-pandemija. L-għajxien ta’ kulħadd, u huwa proprju dan li rridu nissalvagwardjaw f’dan il-mument. Is-sena li għaddiet bdejna t-triq tal-irkupru u din is-sena rridu nsostnuha.”
Il-Prim Ministru saħaq kif din kienet ir-riċetta ewlenija biex intlaħaq il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
“Aħna differenti minn min dak li jiġri barra kien jużah biss bħala skuża biex jgħakkes lill-poplu. Aħna dak nafu li jkollu impatt ukoll fuq pajjiżna għax Malta mhix f’bozza, imma naħdmu biex ; l-ewwel dak l-impatt ma nżiduhx b’piżijiet ġodda u għalhekk għamilna baġit wara ieħor bla taxxi u t-tieni biex fejn nistgħu u kemm nistgħu nwieżnu. U qed nagħmlu dan b’saħħa kbira.”
Robert Abela semma wkoll kif madwar l-Ewropa u madwar id-dinja komplew jisplodu lprezzijiet tal-enerġija u anke l-prezzijiet ta’ ċertu materja prima essenzjali. “Taqra’ f’pajjiżi żviluppati bħalna kif iż-żidiet fil-prezzijiet qed iżidu pressjonijiet kbar fuq il-familji u fuq l-anzjani. U huma dawn l-affarijiet li mas-saħħa jħassbuna u kontinwament irridu nindirizzaw.”
Il-PM sostna kemm l-għajnuna tal-Wage Supplement kienet game changer u kif ġiet estiża wkoll għal dan ix-xahar. “Il-Wage Supplement se jiġi estiż lil hinn minn Jannar f’ċertu setturi. U se nibqgħu għalhekk nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa b’għaqal u fil-mument opportun.”
Il-Prim Ministru fakkar kif fl-aħħar xhur, dan il-Gvern ta’ f’għajnuna diretta lill-familji u negozji total ta’ erbgħa biljun ewro li permezz tagħhom ġew salvati madwar nofs l-impjiegi fis-settur privat. Il-budget għas-sena d-dieħla minnu nnifsu fih l-akbar investiment fis-saħħa u fl-edukazzjoni. L-akbar investiment fl-ambjent. L-akbar investiment fis-servizzi soċjali.
“Kemm hu sabiħ li tippjana, tagħti kelma u żżomha. In-nies magħna jafu fejn qegħdin.”
Fl-istess żmien li madwar l-Ewropa qed jibdew jiżdiedu t-taxxi u l-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali, f’pajjiżna bħalissa għandna l-anqas piż tat-taxxi fl-istorja u għandna l-orħos prezz tal-elettriku u tad-diżil fiż-żona ewro. “Dan mhux kumbinazzjoni, iżda għax ħadna l-passi. Naqqasna t-taxxa fuq il-fjuwil ftit ġimgħat ilu biex f’dan il-mument ma nxekklux l-irkupru. Għax aħna dejjem man-nies.”
Fl-istess waqt, il-vaċċin u l-booster għenuna biex nadottaw strateġija fejn naħdmu biex inżidu l-immunità fil-komunità minflok ikollna nieħdu restrizzjonijiet drastiċi kif ħadu pajjiżi oħra.
“Il-vaċċin tana sajf u ħarifa viċin in-normalità. Jeħtieġ li jkollna l-kumplament tax-xitwa, iżda fuq kollox rebbiegħa jekk jista’ jkun aħjar minn dawk li diġa’ għexna fl-aħħar xhur. Hekk insostnu l-irkupru ekonomiku, hekk inkomplu l-ħajja soċjali tagħna. Hekk nieħdu ħsieb is-saħħa tal-Maltin.”