Isseħħ Ħabta Bejn Erba’ Vetturi F’Birżebbuġa
Illum, għall-ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn erba’ vetturi; Mercedes Benz Actors 4141K misjuq minn raġel ta’ 43 sena residenti Birżebbuġa, Opel Astra misjuqa minn żagħżugħ ta’ 21 sena residenti l-Mosta, Peugeot 208 misjuqa minn mara ta’ 26 sena residenti l-Qrendi u Toyota Corolla misjuqa minn raġel ta’ 25 sena residenti l-Mellieħa.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu.
Ambulanza ħadet liż-żagħżugħ u lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, fejn iżżagħżugħ ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara għada pendenti.
Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.