It-‘Topo’ Ikkundannat Għaxar Snin U Nofs Ħabs – Il-Ġuri Tal-‘Koħħu’ U Fabio Psaila Posposti
Darren Debono magħruf bħala t-‘Topo’ illum ġie kkundannat għal għaxar snin u sitt xhur ħabs fuq l-involviment tiegħu fl-attentat ta’ hold-up fuq il-bank HSBC f’Ħal Qormi, f’Ġunju tal-2010.
Dan wara li lbieraħ filgħaxija t-‘Topo’ ammetta l-involviment tiegħu f’dan il-każ. Huwa ġie mmultat ukoll €18,000.
L-avukat ta’ Darren Debono, Edward Gatt qal li mhux se jappella mis-sentenza, hekk kif l-istess difiża qalet li kien ntlaħaq ftehim mal-Avukat Ġenerali għal piena ta’ priġunerija mnaqqsa bil-patt u l-kundizzjoni li Debono jippreżenta l-provi kollha fix-xhieda tiegħu fil-każ kontra ‘Il-Koħħu’.
Illum kellu jibda l-ġuri fuq dan il-każ li hemm mixli wkoll fuqu Vince Muscat il-‘Koħħu’, però dan ġie pospost wara li l-Qorti ordnat li terġa’ tinfetaħ il-kumpilazzjoni biex il-Qorti tal-Maġistrati tisma’ x-xhieda ta’ Darren Debono dwar dan il-każ kontra Vince Muscat. Il-‘Koħħu’ diġà qed jiskonta piena ta’ 15-il sena ħabs wara li kien ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Flimkien mal-‘Koħħu’ hemm ukoll Fabio Psaila li se jkun qed jgħaddi ġuri wkoll. Psaila kien ta ruħu b’idejh lill-Pulizija f’Diċembru tal-2010 wara li safa ferut waqt attentat ta’ serqa oħra. Huma akkużati bl-attentat ta’ serqa mill-istess bank fl-2010 u b’attentat ta’ qtil ta’ żewġ kuntistabbli tal-Pulizija.
Ara wkoll: