Jonqos L-Użu Tal-Eroina Filwaqt Illi Aktar Nies Jagħmlu Użu Mis-Servizzi Ta’ Appoġġ

 Jonqos L-Użu Tal-Eroina Filwaqt Illi Aktar Nies Jagħmlu Użu Mis-Servizzi Ta’ Appoġġ

L-użu tad-droga eroina kompla jonqos fost l-individwi li qed jieħdu trattament għall-vizzju, bl-istima ta’ persuni li jużaw din id-droga kuljum tinżel kważi bin-nofs fis-sena 2020 meta mqabbel mas-sena 2015. Kien hemm 1,098 (55%) persuna li fittxew l-għajnuna primarjament minħabba l-użu tal-eroina matul is-sena 2020.

Aktar minn hekk, naqas ukoll b’mod konsiderevoli l-għoti ta’ siringi mill-polyclinics, b’mod konsistenti. Fortunatament, naqsu wkoll l-imwiet b’rabta mal-overdose ta’ din id-droga. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-kokaina kompla jiżdied minn sena għall-oħra, segwit mill-użu tal-cannabis.

Il-kokaina hija t-tieni l-aktar droga primarja komuni fost dawk kollha li qed jirċievu t-trattament f’Malta. Matul l-2020 kien hemm xejra ’l fuq, bi 30% (601 individwu) tal-individwi kollha li rċevew it-trattament li rrappurtaw il-kokaina bħala d-droga li toħolqilhom l-aktar problemi. Din ix-xejra ’l fuq tindika li mill-2015 ir-rata ta’ individwi li applikaw għat-trattament prinċipalment għall-użu tal-kokaina rdoppja minn 15% u hija l-ogħla li qatt ġiet irreġistrata.

Mis-601 utent tal-kokaina rreġistrati, 36% (215 individwu) irrappurtaw il-kokaina crack bħala d-droga problematika tagħhom. Il-kannabis tibqa’ t-tieni l-aktar droga primarja użata fost il-popolazzjoni ġenerali ta’ individwi li applikaw għat-trattament għall-ewwel darba.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha saret preżentazzjoni tar-rapport tal-Punt Fokali Nazzjonali ta’ Malta għad-Droga għas-sena 2020 u l-bidu tas-sena 2021. Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar ix-xejriet tal-użu tad-droga, speċifikament fis-sena 2020, f’sena ta’ pandemija. Il-Ministru Michael Falzon innota illi aktar individwi qed jersqu ’l quddiem u jfittxu appoġġ mis-servizzi li jagħtu għajnuna b’rabta mad-droga.

“Dan l-istudju għandu jkompli jsaħħaħ l-isforzi tagħna sabiex nindirizzaw aktar realtajiet soċjali li għaddejjin minnhom ċertu persuni. Id-droga mhijiex is-soluzzjoni għall-problemi imma hija l-kawża tal-problemi. Aħna nibqgħu kommessi li ngħinu lil kull min jispiċċa fil-vizzju tad-droga, u dan nagħmluh mingħajr ma niġġudikaw lil ħadd,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com