Juża Ġebel Antik U Diġà Użat Biex Joħloq Forom Artistiċi
‘Xulliela Bajda’ hija esebizzjoni li ser tkun qed tittella’ mill-artist Antoine Farrugia, bejn il-21 ta’ Jannar u l-15 ta’ Frar, il-Kamra ta’ Fuq, fl-Imqabba.
Xulliela, hija l-kelma li tintuża biex niddeskrivu il-lat tal-ġebla li jitħalla fl-istat naturali, mhux maħdum, għaliex ikun ser jinħeba, preċiżament wiċċu mal-ħajt, għal dejjem.
Dan huwa titlu li jixraq u jaqbel sew max-xogħol ta’ Farrugia peress li 80 fil-mija tax-xogħol tiegħu hu esegwit fuq ġebel diġà użat, riċiklat, u forsi anke mwarrab, skartat, u li bil-kapaċità immensa u t-talent uniku li għandu jerġgħu jingħataw il-ħajja, nifs ġdid, ċans ieħor, din id-darba mhux wiċċhom mal-ħajt imma bħala protagonisti.
Tkellimna ma’ Antoine fejn qalilna li f’dan ix-xogħol jippreferi li juża ġebel antik, peress li bil-bjuda u bl-għebusija tiegħu ikun jista’ joħroġ l-aħjar riżultati. Aktar minn hekk, ir-referenza għall-kelma bajda fit-titlu, tagħmel enfasi fuq il-fatt li qiegħed jesperimenta fuq metodi u proċessi partikolari li jippreservaw il-bjuda u l-kulur oriġinali tal-ġebla li hu jkun qiegħed jittrasforma.
F’din l-esebizzjoni, naraw lil Farrugia jimraħ u juża teknika ġdida fejn il-forom tiegħu jgħaddu mill-proċess ta’ patinament. Wara snin ta’ esperimentar u wara li fuq l-iskultura tiġi applikata t-tempera, l-artist sab mod kif jippreserva il-kulur pristin tal-ġebla mingħajr ma jitlef xejn mill-oriġinalita’ meta tiġi applikata x-xema’ u l-prodott finali jkun illustrat.
Il-forom li għandu għal wiri huma tipiċi tiegħu, astratti, illustrati u sensuali, li jġieluk kważi tigdem xoftok hekk kif għajnejk iduru mal-kontorni, mal-kurvaturi, u jixorbu l-kumplessita’ tas-simpliċita’ tax-xogħolijiet tal-artist Antoine Farrugia.
Aktar informazzjoni hawn.