Kap Eżekuttiv Ġdid Għall-Awtorità Tar-Reġistru Tal-Artijiet
Il-Perit Michelle Piccinino nħatret kap eżekuttiv ġdid tar-Reġistru tal-Artijiet u se tkun qed tmexxi din l-awtorità wara l-kap eżekuttiv uxxenti, Charles Attard.
Il-Perit Michelle Piccinino gradwat bħala perit u inġinier ċivili mill-Università ta’ Malta f’Ġunju tal-1995. Minn dakinhar, kienet fdata f’diversi karigi għolja fis-settur pubbliku. Hija bdiet il-karriera tagħha fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar u kompliet fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li hija r-regolatur ewlieni tal-ambjent. Minn Marzu 2020, bdiet tokkupa l-kariga ta’ kap eżekuttiv tal-ERA.
Fi stqarrija, filwaqt li rringrazzja lis-Sur Charles Attard tas-servizz dedikat lejn ir-Reġistru tal-Artijiet, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat ta merħba lill-Perit Michelle Piccinino u qal li hemm riforma estensiva ppjanata għal dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat awgura lill-ħaddiema tar-Reġistru tal-Artijiet u tenna l-irwol importanti li jokkupaw fil-qasam tal-art u l-proprjetà fil-gżejjer Maltin.