Karozza Ħabtet Ġo Ħajt Tas-Sejjiegħ
Tard ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tattraffiku fi Triq Għajn Kajjet, ir-Rabat.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li vettura Peugeot Expert, misjuqa minn raġel Ukren, ħabtet ġo ħajt tas-sejjiegħ fl-istess triq.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lir-raġel. Permezz t’ambulanza r-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei u aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Mara li kienet passiġġiera fil-vettura mar-raġel ma sofrietx ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.