Konrad Mizzi Joħroġ Mil-Laqgħa U Jgħid Li Mhux Ħa Jirrispondi Mistoqsijiet Sakemm Joħroġ Ruling Mill-Ispeaker
Għal darb’oħra s-seduta li saret illum tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi kienet ikkaratterizzata minn storbju sħiħ bejn id-Deputat Konrad Mizzi u l-membri tal-Oppożizzjoni.
Hekk kif bdew isiru l-mistoqsijiet minn naħa tal-Membri tal-Oppożizzjoni fosthom kif iddeċieda li joħroġ għall-elezzjoni mal-PL u kif sar jaf lil Joseph Muscat, Brian Tonna u David Galea, Mizzi qal li dawn ma għandhom xejn x’jaqsmu mar-rapport dwar il-proġett tal-Electrogas.
Wara diversi minuti ta’ battibekki Mizzi allega li kienu qed isiru insinwazzjonijiet kontrih u għalhekk telaq ‘il barra mil-laqgħa. Huwa talab ruling mingħand l-Ispeaker sabiex joħroġ linja gwida ta’ kif għandhom jkunu mistoqsija l-mistoqsijiet lilu. Il-laqgħa kienet sospiża għal xi ħin.
Ftit tal-ħin wara l-Kumitat qabel li għandu jkun ordnat li jirritorna fil-laqgħa sabiex jkomplu jsirulu l-mistoqsijiet.
Meta l-membri tal-Oppożizzjoni reġgħu bdew jagħmlu l-mistoqsijiet lil Konrad Mizzi huwa wieġeb għal maġġoranza tagħhom li se jkun qed jirrispondi wara li jingħata r-ruling mill-Ispeaker.