Kunsilli Lokali Jibbenefikaw Minn Fondi Tal-LESA B’Investiment Ta’ €1 Miljun
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, tħabbru l-proġetti ġodda li se jgawdu minn fond tal-LESA b’investiment ta’ miljun ewro. Dan qed isir bħala parti mill-ftehim li sar f’Jannar tal-2021 meta l-gvern ħabbar li se jalloka €3 miljuni mill-fondi tal-infurzar fi proġetti għall-komunità. Il-ftehim bejn l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) jaħseb għal investiment ta’ miljun ewro kull sena.
Il-Ministru Camilleri spjega li l-għan wara din l-inizjattiva huwa li ninvestu fis-soċjetà li huwa dmirna li nipproteġu ta’ kuljum. “Meta ngħidu li s-sigurtà hija fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna nemmnuha bil-fatti. Biex ikollna sigurtà ta’ veru rridu ngħixu wkoll f’soċjetà iktar organizzata u dixxiplinata. Iżda, hemm ukoll diversi inizjattivi li nistgħu nieħdu u għalhekk qed nassiguraw li l-LESA tinvesti lura dak li ddaħħal fin-nies,” spjega l-Ministru Camilleri. Huwa ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex jippreżentaw proġetti sostenibbli li jtejbu l-ħajja tal-komunitajiet tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores, spjega li din hija t-tieni sejħa li saret biex jersqu ’l quddiem aktar kunsilli bil-proġetti tagħhom. Il-bord kellu 32 sottomissjoni li juri l-interess qawwi li hemm f’dan il-proġett, li minnhom ingħażlu 21 proġett. Is-Sur Flores spjega l-prinċipji wara dan il-fond, bil-proġetti mpoġġija taħt ħames kategoriji ewlenin: ambjent aħjar fil-lokalitajiet; trasport alternattiv u aktar nadif; infrastruttura moderna; lokalitajiet aktar siguri; u wirt lokali.
Permezz ta’ dan il-fond, il-kunsilli lokali li ġew magħżula minn bord tal-għażla indipendenti mil-LESA se jieħdu sa 80% tan-nefqa totali tal-proġett sa massimu ta’ €80,000. Fost il-proġetti li ġew approvati hemm proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ spazji miftuħa, investiment fix-xiri ta’ vetturi elettriċi u proġetti favur lokalitajiet aktar nodfa bi proġetti bħall-kostruzzjoni ta’ bring-in sites taħt l-art.
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsill Reġjonali Xlokk u l-Kunsilli Lokali ta’ Marsaskala, Żurrieq, Marsaxlokk, Għasri, Xagħra, Fontana, Qrendi, Żejtun, Qormi, Sannat, Birkirkara, Żebbuġ (Għawdex), Mqabba, Għajnsielem, Xewkija, Rabat (Malta), San Ġiljan, Kerċem u Għarb kellhom il-proġetti tagħhom approvati.
Ritratti: DOI