L-Abbozz Ta’ Liġi Mressaq Mill-PN Ma Jgħaddix Wara Dibattitu Mimli Botti U Risposti
L-abbozzi ta’ liġi li ressaq il-Partit Nazzjonalista ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia m’għadhiex wara li l-Membri Parlamentari tal-Gvern ivvotaw kontra b’37 vot u 27 vot favur minn naħa tal-Oppożizzjoni.
It-12-il abbozz li ressaq il-PN tfasslu bl-għan li jsaħħu l-ġurnaliżmu ħieles u s-saltna tad-dritt, filwaqt li jiġġieldu l-korruzzjoni, il-kriminalità finanzjarja u l-mafja. Dan billi fost l-oħrajn jgħattu aktar saħħa lill-President kif ukoll jinħoloq uffiċju ġdid b’Maġistrat Inkwirenti biex jinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni. Il-PN ippropona wkoll li la darba tissejjaħ elezzjoni ġenerali u jxolji l-Parlament jkun hemm Gvern ‘caretaker’ li jibqa’ jmexxi.
Dr Bernard Grech fid-diskors tiegħu fisser kif l-abbozz tal-Oppożizzjoni huwa proattv għax iġiegħel lill-politiċi jirrispettaw l-awtorità u l-kariga parlamentari tagħhom speċjalment meta jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Il-Kap tal-PN argumenta li b’vot kontra dawn l-abbozzi, il-Gvern ikun favur il-kriminalità għax il-korruzzjoni hija taxxa fuq in-nies.
Il-Prim Minsitru Robert Abela fid-diskors tiegħu qal li dawn l-abbozzi huma “gimmick” biex il-PN jirbaħ punti politiċi.
Huwa qal li l-pajjiż għandu qafas demokratiku b’saħħtu iktar minn qatt qabel b’sensiela ta’ riformi li saru biex tissaħħaħ il-governanza tajba.
Il-Prim Ministru rrimarka li l-Oppożizzjoni ressqet abbozz wieħed flok 11-il abbozz differenti biex jittieħed vot wieħed u qal li dan żgur mhux eżempju ta’ governanza tajba mid-Deputati Nazzjonalisti.
Dr Robert Abela temm jgħid li l-ambizzjoni tiegħu mhux li jibgħat nies il-ħabs iżda jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u jikseb il-fiduċja tagħhom.
F’reazzjoni l-Kap tal-PN Bernard Grech wara l-vot huwa qal li wieħed jista’ jirrealizza li l-PL ivvota kontra dan l-abbozz għaliex propju ġie ppreżentat mill-PN. “Il-politika Maltija għandha bżonn politiċi serji li jaraw biss l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi u mhux l-interess personali tagħhom,” saħaq Grech.
Huwa temm jgħid li jiddispjaċih li l-Gvern minkejja li kellu l-opportunita’ li jibgħat messaġġ ċar ta’ għaqda, għażel li ma jieħux dik l-opportunita’.