L-Arċisqof Iwissi Formalment Lil Dun David Muscat U Jordnalu Biex Jneħħi L-Kumment
L‑Arċisqof Charles Scicluna ħareġ twissija formali lil Dun David Muscat, li fil‑Liġi Kanonika hi msejħa preċett penali, u tah struzzjonijiet biex fil‑fora pubbliċi ma jibqax jagħmel kummenti li jinsulentaw u jweġġgħu, inkella jitwaqqaf milli jeżerċita l‑ministeru saċerdotali fil‑pubbliku.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Arċidjoċesi ta’ Malta fejn l‑Arċisqof ordna lil Dun David Muscat biex ineħħi l-kumment tiegħu minn fuq Facebook, fejn is‑saċerdot sostna li tkun gay huwa agħar milli tkun ippossedut mix-xitan.
L‑Arċisqof Charles Scicluna ordna wkoll biex ma jużax lingwaġġ insulenti jew li jweġġa’ kontra kwalunkwe grupp jew individwu.
L‑Arċisqof fakkar lil Dun David Muscat li skont it‑tagħlim Kattoliku membri tal‑kleru huma mitluba juru rispett, kompassjoni u sensittività lejn kull persuna f’kull qasam tal‑ħajja.