L-Assoċjazzjoni Wirt Il-Kalkara Titkellem Ukoll Dwar Il-Forti Tas-Salvatur
Wara l-artiklu dwar il-Forti tas-Salvatur kienu bosta n-nies li kkumentaw dwar din il-binja li verament tinsab fl-aktar mod diżastruż u ta’ telqa. Il-Forti Salvatur inkluż Bieb is-Salvatur, li jinsab biswit it-tieni daħla għall-Kalkara, għandu storja kbira u interessanti.
B’reazzjoni għar-ritratti li ġew ippublikati wara li xi esploraturi rnexxielhom jidħlu fil-binja, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara qalet li temmen bis-sħiħ li postijiet storiċi bħal dan il-Forti għandu jinstabilhom użu alternattiv, mhux biss li jagħmlilhom ġieh, iżda wisq iżjed li jżommhom ħajjin taħt manutenzjoni kontinwa.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara qalet li fil-preżent dan il-Forti huwa propjetà privata wara li kien inbiegħ mill-Gvern fl-1982. Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni qalet li l-Forti Salvatur għandu jiġi rekwiżizzjonat minnufih mill-Gvern Ċentrali u l-utent/i preżenti jingħata post alternattiv fejn jista’ jagħmel ix-xogħol b’mod iżjed adegwat.
L-Assoċjazzjoni temmen li l-istat preżenti tal-Forti u l-operat li kien jew għadu jsir fih mhux sostenibbli li jsir ġewwa post storiku bħalma hi din il-Forti.
Huma saħqu li jkun adegwat li din il-Forti tiġi rijabilitata, restawrata u jinstab użu alternattiv adegwat għaliha, fosthom li jsaħħaħ il-kummerċ turistiku f’din iż-żona u anki joħloq impjiegi għan-nies tal-inħawi
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara appellat sabiex tittieħed azzjoni immedjata fuq il-Forti Salvatur, inkluż Bieb is-Salvatur, qabel ma dawn jintilfu għal kollox u nkunu tlifna ġojjell ieħor storiku u arkitettoniku ta’ pajjiżna.
Ritratti: Pierre Farrugia