‘L-Għodwa Taċ-Ċitru’ – Nhar Il-Ħadd Li Ġej Fil-Kalkara
Nhar il-Ħadd li ġej, għall-ewwel darba fil-Kalkara ser tittella’ l-festa taċ-Ċitru f’attività’ ħelwa fi Ġnien is-Salvatur, li jinsab eżatt kif tidħol mill-mina, fl-entratura ta’ dan il-villaġġ.
Il-bejgħ tal-frott taċ-ċitru ser isir bejn it-8:30am u l-11:30am, għalhekk l-attività ġiet imsejħa ‘L-GĦODWA TAĊ-ĊITRU‘. Apparti l-bejgħ tal-frott taċ-ċitru, ser ikun hemm bankarelli b’bejgħ ta’ prodotti u ħlewwiet relatati maċ-ċitru, fosthom kannoli, kejkijiet, smoothies, għasel u ħafna aktar.
“Qed nagħmlu minn kollox biex fir-raħal tagħna nqajmu atmosfera pożittiva b’attivitajiet għall-komunità tagħna u l-pubbliku nġenerali. Il-Kalkara, raħal żgħir li għandu l-potenzjal li jqarreb lejh nies ġodda permezz ta’ dawn l-attivitajiet. Nieħu gost li f’attivitajiet bħal dawn ħafna jiġu jżuruna u jammirraw u jgawdu r-raħal sabiħ tagħna. Apparti għall-Kalkariżi, l-idea tal-Għodwa taċ-Ċitru hija sabiex persuni barra r-raħal jiġu l-Kalkara, jgawdu ftit mill-atmosfera magħna umbgħad jistgħu jieklu xi ħaġa fil-Kalkara stess u f’jum il-Ħadd anke jistgħu iduru diversi siti u postijiet storiċi li nsibu f’raħalna,” tenna Wayne Aquilina s-Sindku tal-Kalkara f’kumment dwar din l-attività.
Huwa qalilna wkoll li l-attività hija b’xejn u ser jittieħdu l-miżuri kollha, skont l-aħħar protokolli kontra l-imxija tal-Covid-19.