L-Istati Uniti U L-Pajjiżi Ewropej B’Strateġija Komuni Ta’ Sanzjonijiet Kontra R-Russja
Il-Kap tan-NATO, Jens Stoltenberg permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu kiteb li huwa sodisfatt ħafna b’dak li ġie maqbul matul laqgħa virtwali li saret bejn diversi mexxejja.
Matul din il-laqgħa ta’ 80 minuta kien hemm preżenti il-Kap tan-NATO flimkien mal-mexxeja tal-Istati Uniti u r-Renju Unit, Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Polonja u tal-Unjoni Ewropea.
Il-President Amerikan, Joe Biden qal li hemm “unanimità totali” mal-mexxejja Ewropej dwar strateġija komuni jekk ir-Russja tkompli żżid l-aggressjoni fil-konfront tal-Ukrajna.
Matul tmiem il-ġimgħa l-Istati Uniti bagħtet mad-90 tunellata ta’ armamenti sabiex l-Ukraina tkun tista’ tiddefendi l-fruntieri tagħha.
Madwar 8,500 suldat Amerikan jinsabu fuq stat ta’ allert filwaqt li pajjiżi oħra bħad-Danimarka, l-Olanda, Spanja u Franza lesti li jibgħatu fighter jets u vapuri tal-gwerra sabiex isaħħu l-forza Militari tal-Ukraina.
Ir-Renju Unit ukoll wissa lir-Russja b’sanzjonijiet bla preċedent jekk tinvadi lill-Ukrajna.
Ir-Russja saħħet il-fruntieri mal-Ukraina b’madwar 100,000 suldat, però qed tkompli tiċħad li għandha xi pjanijiet li tinvadi lil dan il-pajjiż.
Great meeting with @POTUS on European security with #NATO leaders @EmmanuelMacron, @OlafScholz, Mario Draghi, @AndrzejDuda, @BorisJohnson & our #EU partners @eucopresident & @vonderleyen. We agree that any further aggression by #Russia against #Ukraine will have severe costs. pic.twitter.com/r7wx0Xln4X
— Jens Stoltenberg (@jensstoltenberg) January 24, 2022
Ritratt: USA Today News