Mara Sofriet Ġrieħi Gravi Wara Ħabta F’Tal-Pietà Mal-Lejl
Passiġġiera spiċċat b’ġrieħi gravi u sewwieq iddaħħal l-isptar wara ħabta bejn żewġ vetturi.
Il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tat-2:45am, fi Triq ix-Xatt, Tal-Pietà.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li seħħet ħabta bejn Fiat 500 misjuqa minn Korean ta’ 40 sena residenti San Ġwann u Toyota Corolla misjuqa minn Somalu ta’ 33 sena residenti l-Fgura. Fil-Fiat kien hemm ukoll mara ta’ 30 sena mill-Islovakkja residenti San Pawl il-Baħar.
Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħadet is-Somalu u l-mara l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw l-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-ġrieħi tas-Somalu għadhom pendenti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratti: Facebook