Mis-7 Ta’ Frar Jibdew Jitneħħew Ir-Restrizzjonijiet – L-Indikazzjonijiet Huma Pożittivi Għar-Ritorn Tal-Festi
Fis-seduta tal-lejla, fil-Parlament id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne beda jħabbar ir-rilaxx ta’ miżuri marbuta mal-Covid-19.
Huwa ħabbar li mis-7 ta’ Frar iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju biex wieħed jkun jista’ jidħol f’ristoranti, snack bars u każini. Mill-14 ta’ Frar iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa obbligatorju biex persuna tidħol f’barijiet, gyms, pixxini, ċinema u teatri.
Iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jibqa’ obbligatorju għan-night clubs, safar u attivitajiet tal-massa.
Il-Ministru Fearne qal li dan jista’ jsir għax s’issa ngħataw miljun u mitejn elf doża tal-vaċċin. Huwa ħabbar ukoll li sal-lum 75% tal-poplu ħa l-booster kontra l-Covid-19.
Tenna, li bil-booster il-każijiet fl-isptarijiet u fl-ITU baqgħu baxxi u naqqsu sew il-każijiet pożittivi.
Dwar il-festi l-Ministru Chris Fearne kkonferma li fil-jiem li ġejjin il-Prim Ministru Robert Abela u hu se jiltaqgħu ma’ bosta msieħba u awtoritajiet sabiex il-festi tas-sajf jerġgħu jsiru kif nafuhom.
Huwa qal li s’issa m’hemm xejn ċert, però l-indikazzjonijiet jidhru pożittivi.