“Nies Fi Kwarantina Għandhom Id-Dritt Li Jivvutaw Ukoll” – Il-PN
“Il-Gvern għandu jressaq fil-Parlament dawk l-emendi meħtieġa biex persuni li jkunu jinsabu fi kwarantina jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom li jivvotaw.”
Dan intqal mill-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija fejn saħqu li ilhom xhur jiddiskuti dwar dan mal-Kummissjoni Elettorali tieħu azzjoni.
Il-PN sostna li r-realtà hi li n-numru dejjem jikber ta’ persuni li jinstabu pożittivi għall-Covid-19 u dawk li jkunu ordnati joqogħdu fi kwarantina qed jiżdied. “Hu fatt ukoll li fi ftit ġimgħat oħra l-poplu Malti se jkun imsejjaħ sabiex jivvota f’elezzjoni ġenerali,” tenna l-PN, filwaqt li ħeġġeġ lill-Gvern isib soluzzjoni.
Il-PN temm jgħid li l-Gvern filwaqt li għandu jissalvagwardja t-trasparenza fil-proċess elettorali u jkun evitat il-possibilità ta’ abbuż, għandu jagħmilha faċli biex kulħadd ikun jista’ jaqdi dmiru u jivvota.
Ritratt: Newsbook