Persuni Bi Dħul Ta’ Inqas Minn €13,000 Fis-Sena Se Jkunu Jistgħu Jqabbdu Avukat Bla Ħlas
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar riforma biex persuni bi dħul ta’ inqas minn €13,000 fis-sena jkunu eliġibbli għal servizz ta’ Avukat tal-Għajnuna Legali bla ħlas.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega li l-liġi dwar il-valur nett tal-eliġibilità għall-Għajnuna Legali, “li ġiet aġġornata madwar erba’ deċennji ilu, ma kinitx qed tilħaq daqstant nies minħabba illi l-valur nett finanzjarju tal-persuna jaqbeż il-limitu stipulat fil-liġi, dak ta’ €7,000 fis-sena. Dan mhuwiex jirrifletti l-ispejjeż li ċ-ċittadini għandhom illum il-ġurnata u allura mhux ser ikunu kapaċi jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja minħabba li ma jistgħux iqabbdu Avukat Privat. Il-liġi issa ser tagħti l-possibilità li persuna li tapplika tgħaddi mit-test tal-mezzi aktar raġjonevoli, li jirrifletti l-għoli tal-ħajja attwali. Għalhekk, il-valur nett sabiex persuna tkun eliġibbli għall-għajnuna ser jiġi aġġornat għal €13,000.”
Din rr-riforma se tidħol fis-seħħ wara li tgħaddi mill-proċess parlamentari.
Matul l-istess konferneza tħabbar ukoll avvanz ieħor fit-teknoloġija għas-servizzi tal-għajnuna legali, l-applikazzjoni ġdida msejħa Legal Aid Referral System (LARS).
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Aġenzija Legali Bruno Zahra spjega li permezz ta’ dan l-avvanz l-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali ser ikunu jistgħu jsiru online permezz tal-e id, fejn ikunu jistgħu jirreġistraw it-talba tagħhom u jispeċifikaw dwar liema każ.
L-Avukati tal-Aġenzija ħa jkunu qed jiġu infurmati permezz ta’ email dwar l-assenjazzjoni tagħhom b’digriet tal-Qorti, kif ukoll jiġu provduti bid-dokumenti tal-klijenti li jkunu ġew assenjati lilhom. Invista ta’ dan id-digriet, eventwalment l-Aġenzija tinforma lill-klijenti tagħha permezz ta’ SMS bid-dettalji tal-Avukat u l-Prokuratur Legali li jkun ġie assenjat li ser ikun qed jassistihom fil-każ li fuqu tkun saret l-applikazzjoni.