POLITICO Tqis Lil Alex Agius Saliba Bħala Politiku Li Se Jagħmel Impatt Fl-2022
Il-ġurnal awtorevoli Ewropew Politico poġġa lill-Ewro-Parlamentari Malti Alex Agius Saliba fis-sezzjoni tal-People To Watch fil-qasam diġitali għas-sena 2022. Fil-fehma ta’ dan il-ġurnal, Dr Alex Agius Saliba huwa wieħed minn numru żgħir ta’ persuni li fuq bażi Ewropea se jkollu influenza qawwija fuq il-politika diġitali Ewropea.
Din mhux l-ewwel darba li dan il-ġurnal għażel lil Agius Saliba bħala wieħed minn dawk il-politiċi li se jkollhom impatt fuq il-politika Ewropea, hekk kif fl-2020 POLITICO kien għażlu bħala wieħed minn ‘20 MEPs to watch in 2020’ u ftit wara bħala wieħed mill-Key Players fil-qasam diġitali.
L-Ewro-Parlamentari Laburista qiegħed imexxi n-negozjati f’isem il-Parlament Ewropew sabiex l-Unjoni Ewropea ikollha ċarġer wieħed komuni għal tagħmir elettroniku varjat, li se jkun ifisser anqas inkonvjent u spejjeż fuq iċ-ċittadini Ewropej. F’dawn in-negozjati, Agius Saliba qiegħed imexxi diskussjonijiet importanti fil-Parlament Ewropew, mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u kif ukoll ma’ bosta ġganti fl-industrija tat-teknoloġija bħalma hija l-kumpanija Apple.
Il-ġurnal POLITICO qal li l-2022 se tkun sena importanti ħafna għall-Ewro-Parlamentari, hekk kif il-ħidma tiegħu ser twassal sabiex dan iċ-charger komuni jkun disponibbli wkoll għal kategoriji varji ta’ tagħmir li jintużaw ta’ kuljum, fosthom laptops. Il-ġurnal ikompli jgħid li Agius Saliba qiegħed ukoll iħares lejn l-istampa ambjentali, hekk kif dan il-pass se jkun wieħed importanti sabiex jitnaqqas b’mod drastiku l-iskart elettroniku madwar l-Unjoni Ewropea, fejn preżentament, ta’ kull sena jiġi ġġenerat bejn 11 u 13-il elf tunellata ta’ skart elettroniku relatat ma’ chargers.
Agius Saliba qal li jilqa’ b’sodisfazzjon din l-analiżi u l-attenzjoni li qiegħed jingħata mill-ġurnal POLITICO għall-ħidma li qed iwettaq fil-qasam diġitali. Huwa qal li dan ikompli jimlih b’aktar kuraġġ u determinazzjoni sabiex jaħdem aktar f’dan is-settur li se jkun qed jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies b’mod tanġibli.