“Prim Ministru Maqtugħ Min-Nies” – Il-PN
“It-Tnejn filgħodu kellna evidenza ċara ta’ kemm il-Prim Ministru Robert Abela huwa kompletament maqtugħ min-nies u mir-realtà.”
Sostna dan il-kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista Charles Azzopardi wara li l-ġurnal Times of Malta żvela li għal 6 snin, sakemm laħaq bħala suċċessur ta’ Joseph Muscat, Robert Abela kien qed jaqla’ €17,000 fix-xahar għas-servizzi legali li ta lill-Awtorita tal-Ippjanar.
Jerome Caruana Cilia insista li €17,000 fix-xahar ifissru żewġ pagi minimi f’daqqa waqt li l-ħaddiem Malti mhux qed ilaħħaq mal-ħajja. Huwa qal li dan hu Prim Ministru li ma jistax jifhmek għax qiegħed jgħix fil-lussu, u ċertament ma jistax jipperċepixxi l-fatt li persuna tappellalu li ma tistax tlaħħaq sal-aħħar tax-xahar bl-affarijiet essenzjali kontinwament jgħolew. U għalhekk Abela jibqa’ ċass quddiem l-għoli tal-ħajja.
Dan filwaqt li Charles Azzopardi, insista li taħt il-Gvern tal-Labour is-sinjuruni huma dawk li jinsabu fil-qalba ta’ Gvern li jmexxi pajjiż b’arroganza. Huwa staqsa lill-Mexxej Laburista jekk qattx iddikkjara kollox u jekk użax il-pożizzjoni tiegħu għal gwadann personali tiegħu.
Saħaq li dan huwa Gvern li tilef ir-ruħ soċjali tiegħu; Gvern li minflok jinċentiva lill-ħaddiem, jaqdi u jagħti l-kumdità kollha lin-nies ta’ madwaru b’konsulenzi esaġerati.
Mill-banda l-oħra Jerome Caruana Cilia insista li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech se jkun qiegħed joffri tama ġdida li verament iħares u jwieżen liċ-ċittadini tiegħu. Għaldaqstant huma saħqu li hemm bżonn ta’ Partit Nazzjonalista sabiex verament dan il-pajjiż jerġa’ jitmexxa b’serjeta u jerġa’ jsir pajjiż normali.