Produzzjoni Ċinematografika Ġappuniża Tinġibed F’Malta Bl-Appoġġ Ta’ VisitMalta
Fl-inizjattivi li jittieħdu mid-dipartiment tal-Marketing fi ħdan l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu jmorru lil’hinn minn riklami turistiċi kif naraw fuq karta stampata, televiżjoni jew mezzi diġitali. Fid-dawl tal-fatt li Malta bħala pajjiż, għandu ‘il fuq minn 100 sena ta’ storja fil-produzzjoni tal-films u serje televiżivi, dan id-dipartiment jagħti wkoll l-appoġġ tiegħu u jimpenja ruħu li jgħin b’kull mod possibbli lil dawk il-produtturi li jagħżlu lil pajjiżna għall-produzzjonijiet tagħhom, liema produzzjonijiet imbagħad jintwerew madwar id-dinja kollha.
Confidence Man: HERO Edition m’huwiex eċċezzjoni. Din is-serje ta’ films, li oriġinat bħala serje televiżiva fuq l-Istazzjoni Ġappuniż Fuji Television, tirrakkonta l-intriċċi komiċi ta’ scammer li tipprova tisraq flejjes kbar mingħand bosses tal-yakuza u mingħand negozjanti varji. Hija serje fil-ġeneru mlaqqam comedy-heist li kull ma jmur qiegħed ikun aktar imfittex minn dawk kollha li jsegwu ċ-ċinema u t-televiżjoni.
Dan il-film, li huwa t-tielet wieħed fis-serje, u qiegħed diġa jissemma bħala blockbuster multi-miljunarju, u li ser igawdi s-suċċess tat-tnejn ta’ qablu, li kienu ġew iffilmjati ġewwa Hong Kong u l-Malażja, u l-fatt li dan il-film issa nġibed kollhu f’Malta, u huwa wkoll ambjentat f’Malta, ser jgħin sabiex is-sbuħija tal-gżejjer Maltin tkun esposta għal turisti Ġappuniżi, Ċiniżi, mill-Korea t’Isfel kif ukoll pajjiżi oħra fil-kontinent Ażjatiku.
“Il-fatt li dan il-film inġibed f’Malta huwa ta’ vantaġġ għas-suq Ażjatiku,” irrimarka Shingo Endo, ir-rappreżentant ta l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu fil-Ġappun u l-Korea t’Isfel, li qal ukoll li jekk kollox imur kif ippjanat u l-gruppi ta’ turisti minn dan ir-reġjun jibdew ġejjin Malta minn Ġunju ta’ din is-sena kif skedat, “ser inkomplu nużaw is-suċċess ta’ dan il-film, sabiex nippromovu il-ġmiel tal-gżejjer Maltin, fejn nkunu wkoll nistgħu nagħtu l-opportunita’ lit-turisti sabiex iżuru il-postijiet madwar Malta li intużaw waqt il-ġbid tal-film innifsu.”
Għalkemm dan il-film huwa s’issa ippjanat li joħroġ fis-swali taċ-ċinema Ażjatiċi, hemm ukoll pjanijiet sabiex jkun disponibbli fuq diversi streaming platforms, speċjalment wara s-suċċess li kisbu numru ta’ produzzjonijiet Ażjatiċi fuq ġganti tal-istreaming bħal Netflix u Amazon Prime.
Il-produzzjoni ta’ dan il-film f’Malta kienet possibbli grazzi għall-Kummissjoni Maltija għall-Films u grazzi għad-dipartiment tal-Marketing fi ħdan l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, li kienu kruċjali sabiex jasal f’Malta it-tim tal-produzzjoni għal żjara ta’ riċerka u scouting, meta l-film kien għadu fil-fażijiet inizjali tiegħu.
“Dan huwa aspett mix-xogħol tagħna li rarament jidher, iżda li huwa ta’ importanza kbira. Ovvjament, filwaqt li nirrikonoxxu l-importanza tar-reklamar konvenzjonali, l-appoġġ tagħna fi produzzjonijiet bħal dawn, jwassal sabiex il-gżejjer Maltin jkollhom viżibilita’ wiesa’ fost miljuni ta’ nies, li xi darba jew oħra jiddeċiedu li jaraw dan il-film. Dan il-mod kif jiġi reklamat pajjiz fil-kontinent Ażjatiku diġa ħalla riżultati mpressjonanti għal pajjiżi oħra bħall-Italja, l-Isvizzera u l-Greċja. Għaldaqstant, produzzjoni bħal din tkun tista tiġi meqjusa bħala riklam fiss għall-Gżejjer Maltin, li juri postijiet madwar Malta, Għawdex u Kemmuna li jqanqlu interess f’min jara l-film sabiex jzur pajjizna fuq btala” stqarr is-Sur Carlo Micallef, Deputat Kap Eżekuttiv u Chief Marketing Officer ta’ VisitMalta.