Proposta Għal Politika Komuni Dwar L-Isport Fost Il-Pajjiżi Membri
Matul it-Tielet Sessjoni Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar fi Strasburgu, il-Membru Parlamentari Laburista Jean Claude Micallef li pparteċipa fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport qal li l-issa l-Unjoni Ewropea għadha ma tatx importanza lill-isport bħala suġġett edukattiv. Irrefera għal studju Olandiż li wera li 19% biss jaraw li l-isport għandu jkun indirizzat fuq livell Ewropew.
Fl-intervent tiegħu, Micallef ressaq il-proposta għal Politika Komuni dwar l-isport fost il-pajjiżi membri. Qal li din il-politika għandha tindirizza żewġ oqsma partikolari: lifestyle sports u elite sports, b’dan tal-ewwel jindirizza l-isport fost il-pubbliku inġenerali filwaqt li l-elite sports mhux biżżejjed li tittella’ l-Ġimgħa Ewropea għall-Isport imma politika komuni ta’ anti-doping, match-fixing, razziżmu u l-protezzjoni ta’ atleti taħt l-età.
Il-Working Group fi ħdan il-konferenza il-Futur Tal-Ewropa qabel li jressaq il-proposta tad-Deputat Laburista mar-rakkomandazzjonijiet finali lill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.