Riġenerata L-Playing Field F’Ta’ Ġiorni, San Ġiljan, B’Investiment Ta’ €35,000

 Riġenerata L-Playing Field F’Ta’ Ġiorni, San Ġiljan, B’Investiment Ta’ €35,000

Playing field f’Ta’ Ġiorni f’San Ġiljan, li kienet fi stat perikoluż u għalhekk ma baqgħetx titgawda għal skop ta’ rikreazzjoni, ġiet riġenerata u msebbħa b’investiment ta’ aktar minn €35,000. SportMalta għenet f’dan il-proġett finanzjarjament u ħarġet madwar €25,000 tal-ispejjeż involuti.

“Dan il-proġett sar fl-isfond li pajjiżna bħalissa għaddej b’diversi proġetti biex isebbaħ u joħloq spazji fil-miftuħ għar-rikreazzjoni tal-familja Maltija, u wkoll fl-isfond li rridu aktar spazji għall-attività fiżika biex nikkumbattu r-rata għolja ta’ obeżità fit-tfal tagħna,” irrimarka l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.

Dan l-ispazju li jservi għal rikreazzjoni tal-familja spiċċa fi stat li kien ta’ periklu għal min kien jattendi fih, u għalhekk bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u bl-għajnuna finanzjarja minn SportMalta, l-ispazju ngħata dehra ġdida u friska biex issa jista’ jerġa’ jitgawda mill-ġdid u bla periklu għal dawk li jużawh.

Apparti r-rinovar tal-ispazju kollu, l-investiment jinkludi t-tisbiħ tal-post, kif ukoll l-installar ta’ apparat ġdid tal-playing field, fosthom apparat tal-attività fiżika.

Il-Ministru Grima rringrazzja lil dawk kollha involuti fix-xogħol u lil SportMalta, li daħlet għal dan il-proġett b’risq il-komunità ta’ San Ġiljan. Saħaq li b’dan l-investiment bosta familji se jgawdu minn dan l-ispazju miftuħ li kien mitluq u fi stat ta’ periklu. Huwa fakkar li SportMalta għaddejja bl-assessjar ta’ siti differenti madwar Malta u Għawdex sabiex jiġu trasformati biex iservu ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha. Il-Ministru Grima stqarr li b’ħidma kollettiva jista’ jsir xogħol li minnu tgawdi l-komunità kollha.

Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg irringrazzja lill-Ministru Grima u lil Sport Malta għal dan ix-xogħol li sar u għall-finanzjament ta’ dan il-proġett, filwaqt li saħaq li jħares ‘il quddiem għal aktar ħidma konġunta. Huwa qal li issa din il-lokalità għandha spazju ieħor miftuħ li minnu se jgawdu għexieren ta’ tfal u żgħażagħ, għaliex minn post abbandunat li ħadd ma kien jersaq lejh, Ta’ Ġiorni llum għandu żona mill-isbaħ li fiha jista’ jsir ukoll l-eżerċizzju fiżiku.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil, filwaqt li spjega x-xogħol li sar, qal li dan il-proġett jinkwadra tajjeb ferm mal-ħidma li għaddejja biex din l-entità tikkollabora ma’ entitajiet oħrajn kif ukoll mal-kunsilli lokali għal proġetti fi spazji li minnhom igawdu l-familji Maltin u Għawdxin.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com