Robert Abela Għalxhiex Se Jibqa’ Msemmi?
Il-Prim Ministru Robert Abela llum se jkun qed jiċċelebra għeluq is-sentejn tiegħu minn meta nħatar Mexxej tal-Partit Laburista u allura wkoll, Prim Ministru ta’ Malta.
Dr Abela fl-ewwel diskors tiegħu wiegħed għaqda u onestà.
“Ejja ħalli flimkien inkomplu nsaħħu lill-partit, flimkien nsaħħu lil pajjiż. Partit wieħed, pajjiż wieħed, poplu wieħed. Aħna lkoll ulied familja waħda.”
Taħtu, il-Partit Laburista għalaq 100 sena mit-twaqqif tiegħu. Wieħed irid isemmi wkoll li propju ftit wara li sar Prim Ministru u Mexxej tal-PL, faqqgħet pandemija globali li ħadd ma kien stenna.
Pandemija li ġabet lid-dinja għarkubtejja. Madanakollu, il-fatti juru li Malta matul dawn is-sentejn, irreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja tagħha. Dan meta xorta waħda baqa’ jsir investiment f’pajjiżna u anke ngħata l-wage supplement li għadu għaddej sal-lum il-ġurnata biex jgħin il-familji u n-negozji Maltin li ntlaqtu sew mill-pandemija.
Taħtu wkoll, ittieħdu deċiżjonijiet xejn sbieħ fejn uħud minn dawk li jiffurmaw parti mill-kabinett kellhom jieħdu pass lura minħabba kwistjonijiet diversi li ssemmew bosta drabi fil-midja. Il-PM Abela qal kemm -il darba li hu beħsiebu jkompli jagħmel dak li hu meħtieġ biex il-Partit jibqa’ jissaħħaħ u jieħu deċiżjonijiet fl-aqwa interess kemm tal-partit u iżjed minn hekk, tal-pajjiż.
Intom x’taħsbu dwar dan?