Roberta Metsola Tista’ Tkun L-Aġent President Tal-Parlament Ewropew

 Roberta Metsola Tista’ Tkun L-Aġent President Tal-Parlament Ewropew

Jidher li ser tkun Roberta Metsola li ser tingħata l-kariga ta’ Aġent President tal-Parlament Ewropew wara l-mewt ta’ David Sassoli matul il-lejl li għadda.

Dan skond proċeduri tal-Parlament Ewropew fejn jgħidu li f’każ li l-irwol ta’ President jkun vakanti allura jkun il-Viċi President tal-Parlament li jokkupa l-kariga ta’ Aġent President sakemm jinħatar wieħed ġdid.

Din il-proċedura tpoġġi lil Metsola bħala Viċi President u Membru Parlamentari Ewropew b’esperjenza twila fil-pożizzjoni li tieħu din il-kariga b’mod temporanju.

L-elezzjoni għal-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew hija skedata għad-19 ta’ Jannar fejn Roberta Metsola nnifisha qed tikkontesta f’isem il-Partit Popolari Ewropew.

Dan kollu għandu jkun ikkonfermat fis-sigħat li ġejjien wara li tkun ittieħdet deċiżjoni mill-Istituzzjonijiet tal-Parlament Ewropew. F’Dan il-każ din tkun l-għola kariga li politikant Malti jkun qatt laħaq fl-istorja.

David Sassoli miet matul il-lejl li għadda fl-età ta’ 65 sena. Huwa kien ilu rikoverat l-isptar ta’ Aviano fil-provinċja ta’ Pordenone fl-Italja sa mis-26 ta’ Diċembru li għadda minħabba komplikazzjonijiet serji li żviluppawlu kawża ta’ problemi fis-sistema immunitarja tiegħu.

Aktar kmieni Roberta Metsola kitbet li l-Ewropa tilfet mexxej, u hija tlift ħabib. Metsola qalet li David Sassoli iddedika ħajtu biex jagħmel id-dinja post aħjar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com