Segretarju Permanenti Ewlieni Jwieġeb Dwar L-Ittra Tal-Ombudsman
Fi stqarrija b’reazzjoni għall-ittra mibgħuta lill-Ispeaker tal-Parlament u mpoġġija fuq il-mejda tal-kamra, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal kif f’ittra, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ma tax kas aspetti pożittivi, fosthom li 98% tal-każijiet magħluqa minnu juru li s-Servizz Pubbliku aġixxa tajjeb.
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li minflok, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ħa 31 jum jipprova jispjega kif skrutinju tal-Amministrazzjoni Pubblika huwa eżerċizzju ta’ governanza u kontabilità, imma meta dawn l-istess standards jiġu mitluba mill-Uffiċċju tal-Ombudsman stess, dak allura jkun attakk fuq l-istituzzjoni.
Il-proposti mressqa mis-Servizz Pubbliku għandhom l-għan li l-entitajiet kollha ta’ skrutinju fuq l-amministrazzjoni pubblika, mhux l-Ombudsman biss, ikollhom proċeduri ċari u trasparenti dwar Standard Operating Policies, inkluż fuq l-ingaġġ ta’ konsulenti u persons of trust fi ħdanhom.
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni saħaq li mill-istess risposta tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jirriżulta li għal darb’oħra, l-Uffiċċju tal-Ombudsman mhux jagħti kas dawn il-proposti tas-Servizz Pubbliku biex jiddaħħlu fl-emendi għal-liġi li tirregolah.
“Entitajiet ta’ skrutinju ma għandhomx ikollhom huma wkoll skadenzi ta’ kemm għandhom idumu biex iwieġbu lill-pubbliku, bħalma għandha l-Amministrazzjoni Pubblika? Preżentement madwar 20 każ ilhom jistennew ir-risposta definittiva tal-Ombudsman bejn sentejn u ħames snin,” qal l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni
“Fi żmien meta r-rapporti tal-Ombudsman ma kinux jingħataw widen sena wara l-oħra, l-Amministrazzjoni Pubblika ma kienitx tiġi kkritikata. Illum il-ġurnata, meta r-rata ta’ implimentazzjoni hi dokumentata fl-intier tagħha, tiġi ppubblikata u tlaħħaq ir-rata ta’ 98%, is-Servizz Pubbliku qed jiġi kkritikat li huwa offensiv,” temm jgħid L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.